Prospectus 2002 – 2003
Il-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni Louis Galea, ħabbar li matul il-ġimgħa d-dieħla, l-istudenti kollha li spiċċaw l-iskola sekondarja ser jirċievu Prospectus li jiddeskrivi l-korsijiet regolari kollha li joffru l-Istituzzjonijiet Post-Sekondarji ta’ l-Istat u s-Sixth Forms tal-Knisja u Indipendenti.
Dan jinkludi l-korsijiet ta’:
- L-istituzzjonijiet li għadhom jaqgħu taħt id-Dipartiment ta’ l-Istudji Ogħla u Edukazzjoni għall-Adulti.
- L-Istitut ta’ Kura Medika
- L-Istitut ta’ Studji Turistiċi
- Il-Kulleġġ Malti għall-Arti, Xjenza u Teknoloġija
- Il-Kumpless Post Sekondarju Sir Mikiel Refalo (Għawdex)
- Il-Liċeo Superjuri Gian Franġisk Abela (Junior College)
- L-Iskola Sekondarja Ogħla Ġiovanni Curmi (Higher Secondary)
- Is-Sixth Forms Indipendenti jew imexxija mill-Knisja
Minkejja l-fatt li diversi istituzzjonijiet saru jippublikaw il-Prospectus tagħhom il-Ministeru ħass il-bżonn li f’dan iż-żmien ta’ żvilupp kbir fl-Edukazzjoni post-sekondarja, xorta waħda jkompli jippublika l-Prospectus li jiġbor fih dak kollu li toffri kull istituzzjoni post-sekondarja. B’hekk l-istudenti jkunu mgħarfa bl-għażla kollha li teżisti. Dan il-Prospectus mhux biss jiġbor fih dak kollu li joffru l-iskejjel post sekondarji fi ktieb wieħed, imma l-informazzjoni kollha li jista’ jkollhom bżonn l-istudenti.
Il-Ministru Louis Galea qal li x-xewqa hi li kull student li jispiċċa is-sekondarja jipprepara ruħu sew għad-dinja tax-xogħol billi jieħu kors post-sekondarju. Għalkemm il-perċentaġġ ta' studenti li jkomplu jistudjaw qiegħed dejjem jikber għadna ma ilħaqniex il-percentaġġi li għandhom l-aktar pajjiżi żviluppati. Il-Ministru qal li qed tkun offrut għażla dejjem akbar ta' korsijiet u rottot edukattivi mhux biss għal dawk li jkunu għadhom kif jispiċċaw l-iskola imma wkoll għal dawk il-persuni li spiċċaw l-iskola u li diġa qed jaħdmu jew li mhumiex qed jaħdmu.
Il-Prospectus ta’ din is-sena tinkludi:
- lista ta’ laqgħat informattivi li jorganizzaw l-iskejjel;
- il-kriterji li jintużaw għall-għażla ta’ l-istudenti;
- informazzjoni dwar il-Maintenance Grant;
- informazzjoni dwar l-iskema ta’ l-Apprendistat Tekniku (TAS);
- informazzjoni dwar l-iskema ta’ it-taħriġ Estiż fis-Snajja (ESTS);
- informazzjoni għall-istudenti barranin;
- lista ta’ korsijiet ta’ filgħaxija;
- lista ta’ korsijiet organizzati mill-Korporazzjoni ta’ Taħriġ u Imjpiegi (ETC);
Dawk li ma jkunux irċievew kopja sa l-aħħar tal-ġimgħa d-dieħla u jixtiequ li jkollhom kopja għandhom iċemplu fuq 21240419 jew 21228194 u tintbgħat kopja bil-posta jew inkella wieħed ikun jista jiġborha mid-Dipartiment, il-Furjana.
Minbarra dan il-Prospectus, id-Dipartiment qiegħed iniedi l-website aġġornata li tinsab fuq il-website tal-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni bl-indirizz:
jew: http://www.education.gov.mt/edu/edu_division/Prospectus_2002_2003.htm biex tmur direttament.
Wieħed ikun jista jikseb ukoll kopja diġitali tal-prospectus min fuq dan is-sit.
Il-Ministru feraħ lis-Sur Matthew Farrugia, student ta’ l-Istitut ta’ l-Arti u Disinn MCAST għad-disinn attraenti u sinjifikattiv li intuża għall qoxra tal-Prospectus ta’ din is-sena’ u ippreżentalu book token. Dan id-disinn kien mgħażul minn fost numru ta’ disinji ippreparati mill-istudenti ta’ din l-istituzzjoni. Il-Ministru radd ħajr lis-Sur John Fernandez Uffiċjal Edukattiv, li ġabar l-informazzjoni kollha.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN