Skolasajf 2002 - Flimkien Aħjar
Il-Ministru ta' l-Edukazzjoni Louis Galea żar l-iskola speċjali Guardian Angel u l-Iskola Primarja ta' San Gwann fejn, bħal m'hu qed jsir f'diversi skejjel madwar Malta u Għawdex bħalissa t-tfal qed jattendu Skolasajf 2002.
Skolasajf qed tiġi organizzata għas-seba‘ sena konsekutiva. Minn kemm ilha ssir din l-inizjattiva dejjem tat riżultati pożittivi kemm lit-tfal li jattendu għall-attivitajiet li jkunu organizzati għalihom matul tmien ġimgħat mill-vaganzi tagħhom kif ukoll lill-istudenti Universitarji li jipparteċipaw fiha bħala għalliema. It-tema magħżula għal din is-sena hija “Flimkien Aħjar”. Din it-tema ntagħżlet b’rabta mas-Sena Internazzjonali ta’ l-Eko-Turiżmu.
L-esperjenza li nġabret matul is-snin li għaddew ikkonfermat is-suċċess li kisbet Skolasajf. L-istudenti Universitarji sabu l-esperjenza li kisbu waqt Skolasajf utli ħafna.
Madwar 4,000 tifel u tifla mill-iskejjel statali, tal-knisja w indipendenti qegħdin jipparteċipaw fi Skolasajf. Hemm madwar 330 studenti Universitarji u madwar 130 kapijiet/assistenti kapijiet/għalliema bħala ko-ordinaturi fl-iskejjel.
L-iskopijiet ewlenin ta’ Skolasajf (Skejjel Primarji) huma:
- Li toffri lill-istudenti tar-raba’, l-ħames u s-sitt klassi ta’ l-iskejjel primarji programm ta’ attivitajiet edukattivi u rikreattivi li jagħtu tagħlim informali li jikkumplimenta u jsaħħaħ dak li jkun sar fis-sena skolastika.
- Li tipprovdi lill-istudenti tal-B.Ed ta’ l-ewwel, t-tieni u t-tielet sena opportunitajiet li josservaw u jikkomunikaw mat-tfal li se jkunu l-istudenti futuri tagħhom barra mis-sitwazzjoni formali fil-klassi u b’hekk jissaħħaħ it-"teaching practice" li jkollhom l-istudenti għalliema waqt il-kors tagħhom fl-Universita‘. Studenti Universitarji minn fakultajiet oħra qegħdin ukoll isibu din l-esperjenza utli ħafna.
- Li jagħti lill-ġenituri speċjalment lil dawk li jaħdmu, l-opportunita‘ li jsibu post adattat għall-kura ta’ wliedhom waqt il-vaganzi tas-Sajf.
Programm Skolasajf 2002
Skolasajf 2002 fetħet fil-15 ta’ Lulju u ser tibqa’ sejra sal-10 ta’ Settembru 2002, kuljum mit-Tnejn sal-Gimgħa bejn id-9.00a.m. u 12.00p.m. Nhar il-Ħamis 11 ta’ Lulju sar ‘seminar’ ta’ preparazzjoni għall-ko-ordinaturi kollha.
Il-Programm ta’ ħidma għat-tfal fil-livell primarju jinkludi sessjonijiet ta’ tpinġija, drama, żfin, kant, mima, diskussjonijiet, sport u żjajjar f’postijiet kulturali, industrijali u kummerċjali kemm fuq skala lokali kif ukoll fuq skala nazzjonali, per eżempju: fabbriki, mużewijiet, stazzjonijiet tar-radju, knisja parrokkjali, banek u uffiċċji, u Kunsilli Lokali. Minħabba xogħol ta’ kostruzzjoni li qed isir f’diversi skejjel saru arranġamenti meħtieġa biex it-tfal kollha jiġu offruti s-servizz ta’ Skolasajf.
Skolasajf toffri diversi programmi interessanti li jinkludu:
"Inħobb Nilgħab" Weetabix Festivals
Mill-gimgħa d-dieħla ser tibda l-fażi eliminatorja ta’ dan il-festival. Dawk l-iskejjel li jikkwalifikaw minn din il-fażi, jikkompetu f’attivita’ nazzjonali fl-aħħar tas-Sajf, waqt il-Fieramaratona.
Programmi Speċjali fl-iskejjel
Dawn jinkludu: diskussjoni mill-Aġenzija Sedqa; Thinking Skills; Diskussjonijiet dwar l-għożża ta' l-annimali; awareness dwar il-wirt kulturali fuq żewġ siti mill-Fondazzjoni Wirt Artna; diskussjonijiet u ħarġiet mill-organizzazjoni Nature Trust, Encounters with Music fiċ-Ċentru tal-Kreattivita' fil-Kavallier ta' San Jakbu; Healthy Breakfast days programm edukattiv dwar l-ikel san.
Progammi Sportivi
Il-programmi sportivi jinkludu numru ta' dixxiplini sportivi bħall-Badminton, Tenpin Bowling, Chess, Hockey, Baseball - Softball, Karate u sport tal-baħar.
Skejjel Speċjali
Għall-ewwel darba l-iskejjel Speċjali kollha fetħu l-bibien tagħhom għal Skolasajf. L-istudenti li jattendu l-iskejjel speċjali ġew offruti is-servizzi ta' skolasajf, filwaqt li dawk it-tfal li s-soltu jattendu l-iskejjel ‘Mainstraem’ bis-servizz tal-‘facilitator’ qed ikollhom dan is-servizz matul Skolasajf ukoll fl-iskejjel fejn qed jattendu l-iSkolasajf.
Fieramaratona
Fl-aħħar ta‘ Skolasajf 2002, se tkun organizzata l-“Fieramaratona” bejn l-4 u t-8 ta’ Settembru, fil-Liċeo tal-Bniet Maria Reġina l-Blata l-Bajda. Din il-fiera se ssir biex tiġbor flimkien eżempji tax-xogħol tat-tfal f’wirja nazzjonali u tagħti opportunita’ lill-iskejjel li juru attivitajiet kulturali (per eżempju mima, drama, sport u kant)
Klabbsajf
Għaddej b’ritmu tajjeb il-Programm Klabbsajf. L-iskop ta’ dan il-programm hu li jilħaq lil dawk it-tfal li matul is-sena skolastika 2001/2002 kienu jirċievu għajnuna kumplimentari (fit-tieni sena tal-primarja).
Għal din is-sena qed jiġi mwettaq fi ħdan Klabbsajf, il-programm tal-“Communications Therapy”. Għall-ewwel darba wkoll il-parteċipanti fi ħdan Klabbsajf se jkollhom aċċess għall-użu ta’ l-apparat kollu ta’ l-I.C.T. li jinsab fl-iskejjel konċernati. Dan sar possibbli wkoll billi l-“MITTS Maintenance Agreement” ġie estiż sabiex ikopri wkoll ix-xhur tas-Sajf.
Il-Programm Klabbsajf għaddej f’dawn iċ-Ċentri:
B’Kara, B’Bugia, Bormla/ Birgu, Fgura, Ħamrun VB, Ħamrun SS, Qormi SB/ Siġġiewi, San Ġwann, Żabbar/ M’Scala, Żebbug, Żejtun. U f’Għawdex: Nadur, Sannat, Victoria, Xagħra, Xewkija.
Community Chest Fund
Bħalma dejjem sar, matul il-programm ta’ Skolasajf qed jinġabru flus fuq bażi volontarju b’risq il-Community Chest Fund.
Għajnuna Speċjali - Sorijiet ta’ Mother Theresa
Għat-tieni darba, id-dipartiment qed joffri l-għajnuna tiegħu lis-sorijiet ta' Mother Theresa billi joffrilhom l-iskola M. A. Vassalli (Ħandaq). F’dan il-programm qed jieħdu sehem madwar 100 student mill-Kottonera, 3 darbiet fil-gimgħa matul ix-xahar ta’ Awissu.
Sponsors
Skolasajf sabet għajnuna siewja minn Paolo Bonnici Ltd (Rappreżentanti tal-Weetabix f’Malta.) li qed joffru l-għajnuna tagħhom permezz ta’:
- Healthy Breakfast f’kull Ċentru
- Xiri ta’ apparat sportiv
- Xiri ta’ materjal edukattiv
Il-Bank HSBC Qed joffri kotba u CD’s bil-Malti biex jintużaw fil-Programm Klabbsajf. Dan il-materjal edukattiv li hu addattat għal dawn it-tfal jgħin biex t-tfal itejbu l-ħiliet tagħhom matul x-xhur tas-sajf.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN