Left arrow Mur Lura

Esperjenza ta' Xogħol għall-istudenti ta' l-Iskola Lorenzo Gafa'

PR1058
Date Icon 02/08/2002

Għall-ħames sena konsekuttiva grupp ta’ 22 student tar-raba’ sena mill-iskola sekondarja tas-subien Lorenzo Gafa’ ħadu sehem f’kors ta’ orjentazzjoni lejn ix-xogħol fit-Training and Development Unit tal-Malta Drydocks. Dan huwa parti mill-ftehim ta’ Sponshorship iffirmat f’Novembru ta’ l-1997 bejn l-iskola u l-MDD. Il-Kors dam ħames ġimgħat, mit-Tnejn 1 ta’ Lulju sal-Gimgħa 2 t’Awissu 2002. Matulu l-istudenti kellhom lezzjonijiet fuq l-etika u s-sigurta’ fuq il-post tax-xogħol u sessjonijiet prattiċi ta’ tagħlim f’dawn is-snajja’: Electrical, Sheet Metal, Welding, Pipe Fitting and Aluminium. Barra dan, l-istudenti ngħataw remunerazzjoni ta’ Lm12-il lira fil-Ġimgħa bħala parti mill-ftehim.

L-iskola kienet inkwadrat il-proposta għal dan il-ftehim b’dawn il-kunsiderazzjonijiet:

  • L-istudenti ġejjin kollha mill-inħawi tal-Kottonera;
  • Ħafna mill-ġenituri u/jew mill-qraba ta’ l-istudenti huma ħaddiema tat-Tarżna;
  • Investiment mit-Tarzna fl-edukazzjoni ta’ dawn l-istudenti jista’ fl-aħħar mill-aħħar ikun ta’ ġid għall-istess Tarzna meta wħud minn dawn l-istudenti ‘l quddiem jidħlu jaħdmu fiha;
  • Din l-inizjattiva sseddaq l-image tal-ħidma tat-Tarzna ta’ Malta ghaliex hija xhieda ta’ l-impenn tagħha li tikkontribwixxi b’mod konkret għall-iżvilupp soċjo-edukattiv tal-Kottonera.

Dan il-ftehim ta’ hames snin sponsorship mal-Malta Drydocks, minbarra li huwa ta’ benefiċċju edukattiv kbir għall-istudenti u għall-iskola, irnexxielu joħloq ħolqa tanġibbli ta’ koperazzjoni bejn l-iskola u l-industrija. Din ir-rabta bejn l-iskola u d-dinja tax-xogħol illum saret waħda mill-miri ewlenin fil-Pjan Strateġiku tal-Kurrikulu Minimu Nazzjonali li jrid jitwettaq fl-iskejjel sekondarji Maltin. Dan il-ftehim ta’ fejda għall-edukazzjoni ta’ l-istudenti se jiskadi din is-sena. Hu maħsub li n-negozjati bejn id-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni, u l-Kunsill tat-Tarzna ta’ Malta jibdew mill-aktar fis biex il-ftehim jiġġedded għal ħames snin oħra.

Is-Sur Horace Caruana, il-Kap ta' l-Iskola Lorenzo Gafa' qal li din kienet esperjenza edukattiva oħra li ħalliet ħafna ġid. L-istudenti wrew interess u ħeġġa fil-korsijiet ta’ taħriġ. Bejnhom u l-instructors inbniet relazzjoni eċċellenti tant li l-kwalita’ ta’ xogħol li rnexxielhom jagħmlu fi żmien hekk qasir hija impressjonanti. L-istudenti dehru ferm għal qalbhom u qatt ma fallew. Il-kumment tagħhom kien li jieħdu aktar pjacir l-iskola kieku l-klassijiet kienu mqassmin f’għamla ta’ workshops bħal ta’ dan it-Training Centre b’mod li l-lezzjoniet ikunu bbażati l-aktar fuq riċerka, disinn u xogħol milli fuq teorija. Fil-fatt dawn huma il-linji tal-pedagoġija tas-suġġett ta' l-Edukazzjoni Teknologika.

Il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni Louis Galea, ippreseda l-għoti ta’ ċertifikati u premijiet li sar fit-Training and Development Unit tal-Malta Drydocks.

Fid-diskors li għamel, il-Ministru qal dan l-aħħar saret l-inawgurazzjoni ta' l-iskola Lorenzo Gafa' wara li saru xogħlijiet estensivi ta' bini u immodernizzar. Il-Ministru qal li l-ambjent isbaħ li għandha l-iskola għandu jħeġġeġ lill-istudenti biex jieħdu aktar interess fl-iskola. Madankollu, l-aktar ħaġa li tista tħeġġeġ lill-istudenti biex jitgħallmu u jiksbu l-ħiliet u s-snajja li għandhom bżonn hi l-entużjażmu li joħolqu programmi ta' taħriġ bħal dawn fejn l-istudenti iħossuhom kuntenti li qed jitgħallmu.

Il-Ministru qal li t-tagħlim mhux bilfors irid isir b'mod teoretiku, anzi qabel ma kienu jeżistu l-iskejjel kif nafuhom, t-tagħlim kien isir b'mod informali u permezz ta' l-apprendistat. Illum ukoll hemm bżonn li t-tagħlim ikollu element ta' tagħlim informali u dan il-prinċipju hu parti integrali mill-Kurrikulu Nazzjonali kif ukoll b'mod partikolari fil-Kulleġġ Malti Għall-Arti Xjenza u Teknoloġija MCAST.

Il-Ministru temm jawgura lill-istudenti biex dejjem ikomplu jfittxu kull opportunita ta' taħriġ għaliex il-bniedem fid-dinja tax-xogħol ta' llum għandhu bżonn jibqa aġġornat mal-bidliet li jkunu qed iseħħu biex hu jibqa rilevanti u kompettitiv.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

Aktar Stqarrijiet Right arrow