Left arrow Go Back

Twaqqfet l-Aġenzija Patrimonju Malta - Tmexxija Ġdida għall-Mużewijiet u Siti ta' Wirt Kulturali

PR1057
Date Icon 02/08/2002

Il-Ministru ta' l-Edukazzjoni Dr Louis Galea illum ħabbar it-twaqqif ta' PATRIMONJU MALTA, l-aġenzija l-ġdida imwaqqfa bil-liġi biex tieħu ħsieb il-management tal-mużewijiet u siti ta' wirt kulturali ta' pajjiżna. Il-missjoni ta’ l-aġenzija hi li tiżgura li l-patrimonju kulturali fdat lilha jkun protett, konservat, restawrat, immexxi, preżentat għall-esibizzjoni u jsir aċċessibbli għall-pubbliku bl-aħjar mod possibbli. Nhar il-Ħadd li għadda l-Gvern ħabbar it-twaqqif tas-SOVRINTENDENZA u ħatar lis-Sur Anthony Pace l-ewwel Sovrintendent tal-Partrimonju Kulturali.

Id-dmirijiet u l-funzjonijiet ta' PATRIMONJU MALTA huma definiti fil-liġi dwar il-patrimonju kulturali li għaddiet mill-Parlament ftit ilu. Il-liġi hi maħsuba li twettaq riforma importanti billi tifred il-funzjoni tal-management u l-marketing tal-mużewijiet u siti ta' wirt kulturali mill-funzjoni regolatorja tas-SOVRINTENDENZA. Din il-qasma fir-responsabilitajiet, li s'issa kien iġorr id-Dipartiment tal-Mużewijiet, ser iġġib bidla fil-mod kif il-wirt kien tradizzjonalment immexxi, u ser tippermetti l-introduzzjoni ta' sistemi ġodda ta' management u ta' teknika moderni f'dan is-settur.

PATRIMONJU MALTA ser titmexxa minn Bord ta' Diretturi li ser ikollu lis-sur Alex Grech bħala President, lis-sinjura Simone Mizzi bhala l-Vici Presidenta, flimkien ma’ sebgħa Diretturi oħra. Fix-xhur li ġejjin il-Bord hu mistenni jaħtar Senior Management Team u Uffiċjal Ewlieni Eżekuttiv li jkunu responsabbli mill-management ta' kuljum ta' l-organizazzjoni l-ġdida.

Il-Ministru Galea qal li d-Diretturi ta' PATRMONJU MALTA ġew maħtura fuq bażi personali minħabba l-ħiliet u l-impenn magħrufa tagħhom fil-qasam tal-konservazzjoni u l-management tal-patrimonju kulturali u mhux bhala rappreżentanti ta' xi setttur jew għaqda partikolari. “Il-Bord hu magħmul minn taħlita interessanti ta' persuni b'ħiliet pruvati ta' management, innovazzjoni, b'expertise fil-qasam tal-wirt kulturali u fit-turiżmu, b'esperjenzi f'għaqdiet volontarji, u kapaċi jwettqu proċess ta’ bidla fil-metodi u fil-mentalita` ta' kif isiru l-affarijiet f'dan il-qasam. Dawn il-persuni ser iġibu talenti u enerġija ġdida u importanti għal PATRIMONJU MALTA." Louis Galea, filwaqt li irringrazzja lill-membri talli accettaw li jservu fuq il-Bord, qal li jinsab fiduċjuz li taħt it-tmexxija tagħhom PATRIMONJU MALTA ser tniedi fażi ġdida, tant mistennija sew mill-poplu kif ukoll miż-żewġ naħat tal-Parlament, fil-ħarsien, konservazzoni u preżentazzjoni tal-patrimonju kulturali ta' pajjiżna.

Ix-xhur li ġejjin huma l-fażi transitorja mill-istruttura l-antika, d-Dipartiment tal-Mużewijiet, għall-istruttura l-ġdida fejn PATRIMONJU MALTA ser tibni l-pedamenti tal-kompetenzi tagħha. Sakemm it-transizzjoni titwettaq it-tmexxija tal-mużewijiet u s-siti ta' patrimonju kulturali ser tibqa` fil-ġurisdizzjoni tad-Dipartiment tal-Mużewijiet li ser ikompli jiffunzjona parallellment ma' l-istrutturi l-ġodda sakemm jingħata avviż ieħor. Għada fil-Gazzetta tal-Gvern ser jiġi pubblikat l-Avviz Legali li jibda jdaħħal fis-seħħ il-partijiet tal-liġi l-ġdida li għandhom x’jaqsmu mat-twaqqif ta’ l-istrutturi l-ġodda. Il-Ministru Galea qal li huwa diga` informa lill-UĦM u lill-GWU bil-passi li qed jittieħdu u iltaqa' mal-impjegati tad-Dipartiment tal-Mużewijiet fejn spjegalhom il-bidliet li ser iġġib magħha l-liġi l-ġdida. Laqgħat ta' konsultazzjoni u negozjati skond il-bzonn ikomplu mal-ħaddiema u mal-Unjons fiż-żmien li ġej.

Meta tkellem dwar l-irwol ta' PATRIMONJU MALTA, il-President tagħha s-Sur Alex Grech qal li l-aġenzija għandha numru ta' sfidi : it-titjib fl-aspetti ta' presentazzjoni u interpretazzjoni tal-wirt b'mod li l-esperjenza tal-visitaturi issir aktar interessanti u dinamika; l-iżvilupp ta' sħubija bejn is-setturi pubbliċi u privati; titjib fis-sigurta` tal-mużewijiet, siti u l-kollezzjonijiet tagħhom; bini ta' allejanzi ma' entijiet oħra, barranin u lokali, bħall-Awtorita` Maltija tat-Turiżmu, Kunsilli Lokali u għaqdiet volontarji bl-iskop li l-wirt kulturali isib postu fil-qalba tal-prodott tat-turiżmu; u li jinkisbu aktar fondi u investiment għas-settur tal-wirt kulturali.

Waħda mill-ewwel ħidmiet ta' PATRIMONJU MALTA hija l-proċess ta' migrazzjoni tar-responsabilitajiet u persunal mid-Dipartiment tal-Mużewijiet għall-istrutturi l-ġodda.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow