IMNEDIJA L-'WEBSITE' TAL-MINISTERU GĦAR-RIZORSI U L-INFRASTRUTTURA
Meta kien qed iniedi mill-gdid il-web-site tal-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura, li hadet post dik gia ezistenti, il-Ministru l-Onor. Francis Zammit Dimech qal li mill-1987 'l hawn, pajjiżna għadda minn rivoluzzjoni teknoloġika li taf il-bidu tagħha lid-deċizzjoni tal-Gvern preżenti, li jaqleb is-sistema tat-telefon minn waħda mibnija fuq ħames sistemi ta' exchanges, il-parti l-kbira minnhom skaduti, għal waħda kompletament diġitali u mill-aktar moderni.
Francis Zammit Dimech qal li deċiżjoni oħra ta' dan il-Gvern kienet li jilliberalizza s-suq tal-kompjuters li sa qabel l-1987 biex ikollok wieħed, anke għall-qasam edukattiv, ridt tagħti garanzija li mhux se tnaqqas impjiegi!
Miżuri oħra kienu l-liberalizzazjoni ta' l-importazzjoni ta' tagħmir konness mat-telefonija, l-għoti ta' liċenzja għat-telefonija ċellulari u għall-cable television. F'dawn l-aħħar erba' snin kompliet issaħħet il-liberalizzazzjoni billi ngħataw liċenzji għal aktar minn proveditur wieħed tat-telefon cellulari.
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li dawn il-miżuri, flimkien mat-twaqqif tal-MITTS u ta' investiment qawwi mill-Gvern fil-qasam tal-kompjuters sew għad-dipartimenti tiegħu kif ukoll għas-settur edukattiv, wasslu biex il-poplu sar aktar konxju mill-vantaġġi li jġib miegħu s-settur ta' l-informatika. Hu qal li llum, l-informatika hija l-bieb għal kull żvilupp u progress. Ghalhekk kull investiment f'dan is-settur huwa flus minfuqa tajjeb.
Francis Zammit Dimech qal li bl-introduzzjoni ta' l-internet u d-diversi websites li qed jiġu mnedija minn jum għal ieħor, il-poplu qed ikun moqdi aħjar mhux biss minn informazzjoni kontinwa li jista' jniżżel, iżda anke għaliex jista' jikseb servizzi mid-dar li qabel kien irid joqgħod jistenna fil-kju biex jakkwista.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li l-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura li jiġbor fih it-Taqsima tax-Xogħlijiet b'seba' dipartimenti li jiġu f'kuntatt kontinwu mal-pubbliku, bil-Kunsill Konsultattiv għall-Industrja tal-Bini, bl-Awtorita' Maltija għar-Riżorsi u b'diversi taqsimiet u units, li kollha jaħdmu għas-servizz tal-pubbliku, kien ilu jħoss li għandu jkollu website tiegħu li tiġbor lil kulħadd 'taħt saqaf wieħed'. Hu qal li dan seta' jseħħ b'ħidma li twettqet f'dawn l-aħħar xhur.
Francis Zammit Dimech qal li kien ta' pjaċir għalih li l-lum kien qed iniedi din il-website. Hu qal li dan il-web site gdida (www.mri.gov.mt), jinkludi informazzjoni dwar il-Ministeru u d-diversi dipartimenti fi ħdan it-Taqsima tax-Xogħlijiet, jinkludi aħbarijiet u stqarrijiet għall-media li jinħargu mit-Taqsima tal-Komunikazzjoni tal-Ministeru, proġetti li tlestew jew li qed jitwettqu u informazzjoni li għandha x'taqsam ma' l-istrateġija ta' l-iskart solidu u likwidu.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li l-website tal-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura tinkludi ukoll lista ta' servizzi offruti lill-pubbliku fosthom ir-reġistrazzjoni ta' nies tas-sengħa fis-settur tal-kostruzzjoni u ta' kuntratturi, rappurtar ta' strutturi perikolużi, liċenzji ta' bennejja, sewers discharge permits, kopji ta' dokumenti ta' offerti, kuntratti u procurements, tbattil ta' fosos, ilma tat-tieni klassi, estensjonijiet u konnessjonijiet tad-drenaġġ fid-djar.
Servizzi oħra huma dawk offruti mid-Dipartiment għall-Implimentazzjoni ta' l-Istrateġija dwar l-Immaniġġjar ta' l-Iskart li jinkludu ġbir ta' skart goff, civic amenity sites, servizzi ta' shredding, ġbir ta' batteriji użati, bejgħ ta' kompost u bejgħ ta' materjal riċiklabbli.
Francis Zammit Dimech qal li min irid jista' jniżżel ukoll minn din il-website formoli ta' applikazzjoni marbuta mas-servizzi mogħtija mid-diversi dipartimenti fi ħdan il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li l-website tal-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura hi mezz ieħor kif dan il-Ministeru iżomm kuntatt mal-pubbliku. "Ix-xoghol ta' dan il-Ministeru għandu impatt dirett fuq il-pubbliku u allura l-website tagħti opportunita' aħjar biex ninfurmaw lill-pubbliku f'dak li nkunu qed naghmlu filwaqt li nirċievu kummenti mill-istess pubbliku" sostna Francis Zammit Dimech.
Francis Zammit Dimech qal li kien ta' sodisfazzjon għall-Ministeru tiegħu li joffri din l-għodda ġdida lill-pubbliku biex ikun jista' jżomm kuntatt dirett u inter-attiv mal-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN