STQARRIJA MILL-MINISTERU TAS-SAHHA
B’riferenza għall-istqarrija ta’ l-Onor. Michael Farrugia, Membru Parlamentari ta’ l-Oppozizzjoni, dwar iċ-Ċentri tas-Saħħa, il-Ministru tas-Saħħa jixtieq jiċċara li hu qatt ma’ wiegħed li wasal biex isolvi l-problema ta’ l-għeluq taċ-Ċentri tas-Saħħa ikkawżata min-nuqqas ta’ tobba. Il-Ministru kemm il-darba qal li għaddejjin taħdidiet ma’ grupp ta’ tobba li lesti jiffurmaw koperattiva biex jagħtu servizz fiċ-Ċentri tas-Saħħa.
Hu ttamat li issa li l-kors tal-mediċina fl-Universita’ qed jiftaħ kull sena, n-numru ta’ tobba mal-gvern jiżdied. L-Onor. Michael Farrugia jmissu jiftakar li llum, kull min għandu l-kwalifiki jista’ jibda kors tal-mediċina, mhux bħal fi żmien il-Gvern Laburista li kien japplika in-numerus clausus.
Fil-parlament, l-Onor. Dr. Michael Farrugia kemm il-darba qal li għandu ċ-ċavetta għas-soluzzjoni taċ-Ċentri tas-Saħħa. Daqshekk ieħor drabi, ġie sfidat biex jgħid din is-soluzzjoni x’inhi. Iżda minkejja li għandu responsabbilita’ lejn il-poplu, l-Onor. Farrugia qatt ma laqa’ din l-isfida.
Rigward l-allegat tul ta’ żmien li jittieħed għall-investigazzjonijiet ta’ demm niġbdu l-attenzjoni ta’ l-Onor. Farrugia li jew għandu informazzjoni ħażina jew inkella qed jikkwota ċifri ħżiena intenzjonalment.
Minn informazzjoni li għandu l-Ministeru jidher li l-istennija hija biss ta’ ftit ġranet ħlief fiċ-Ċentru tal-Mosta fejn il-volum ta’ xogħol huwa kbir, minħabba li f’dawn iż-żminijiet jiżdiedu n-nies li jkun villeġġjatura f’postijiet li jaqgħu taħt dan iċ-Ċentru. Hawn l-istennija, xorta hija ferm inqas minn sitt ġimgħat, imma f’każi urġenti l-investigazzjoni ssir fl-istess jum bħal f’kull Ċentru tas-Saħħa ieħor.
Biex l-Onor. Farrugia jkollu prova jekk il-gvern ta’ Fenech Adami jinjorax jew le l-bżonnijiet tal-poplu Malti u Għawdxi fis-settur tas-Saħħa jkun biżejjed għalih li jgħaddi minn tal-Qroqq.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN