STQARRIJA
Nhar it-Tnejn li għadda, il-Malta Labour Party ħareġ stqarrija bi tweġiba għall-istqarrija maħruġa mill-Gvern nhar il-Ħadd. Din l-istqarrija kienet qalet li Dr Alfred Sant "kiser kull limitu ta’ diċenza mistenni minn persuna fil-ħajja pubblika billi vvinta malafama mill-aktar gravi kontra l-Prim Ministru." Dr Sant kien qal li "l-Prim Ministru Dr Fenech Adami jkun lest li jdaħħal l-abort jekk dan ikun kundizzjoni biex Malta tidħol fl-Unjoni Ewropea." L-istqarrija tal-Gvern kienet qalet ukoll li “Trid tkun vera tlift kull sens ta’ valur meta tasal biex tivvinta minn żniedek qlajja daqstant qarrieqa allavolja tkun taf li mhix vera.”
Il-Malta Labour Party fissret din l-istqarrija bħala isterika u rreferiet għan-negozjati ma’ l-Unjoni Ewropea fuq diversi suġġetti bħas-sajd, il-biedja, il-proprjetà, n-negozju, il-visas u kontrolli oħra fuq negozju u turisti mill-Afrika ta’ fuq.
Dan huwa l-qofol tal-problema. Jidher li għall-Malta Labour Party u l-Kap tiegħu m’hemmx differenza bejn is-sajd u l-abort. Jiġifieri għalihom m’hemmx differenza bejn in-negozju u prinċipji morali u lesti jħalltu ż-żewġ affarijiet.
Dan juri l-livell li qed jaqa’ fih il-Malta Labour Party fl-ossessjoni tiegħu kontra l-Unjoni Ewropea akkost ta’ kollox. Biex jittanta jħawwad l-imħuħ il-Malta Labour Party qed jipprova jiżra d-dubju dwar l-abort meta dubji m’hemmx.
Għaldaqstant il-Gvern jerġa jsostni li m’hemm l-ebda kundizzjoni jew obbligu fuq pajjiż li jissieħeb fl-Unjoni Ewropea li jillegalizza l-abort. Bl-istess mod, il-Gvern Malti jsostni bil-qawwa li lest ikompli jsostni l-pożizzjoni tiegħu kontra l-abort anke wara li Malta tissieħeb fl-Unjoni Ewropea. Dwar dan m’għandu jkun hemm l-ebda dubju, minkejja kull manipulazzjoni tal-Malta Labour Party u l-Kap tiegħu.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN