Stqarrija
Kif kien tħabbar fil-budget speech għas-sena 2001 il-Gvern ħareġ sejħa għal proposti biex bi sħubija mal-privat iniedi programm ta' public-private partnerships.
L-ewwel proġett pilota kien għat-tisbiħ ġenerali ta' Malta li għalih hu responsabbli l-Urban Rural and Landscaping Section (URLS) tad-Dipartiment ta' l-Agrikoltura. Is-sejħa għal dan il-proġett ħarġet fit-23 ta' Ottubru 2001. Kull min kien interessat attenda laqgħa pubblika fis-6 ta' Novembru 2001 fejn ingħatat l-informazzjoni ta' xi xtaq il-Gvern; u f’din il-laqgħa saret ukoll stedina biex il-privat jagħmel proposti ta' kif il-Gvern jista' jilħaq l-għanjiet tiegħu.
Mit-23 rappreżentant ta' entitajiet li attendew għal din il-laqgħa kien hemm 9 proposti li ġew sottomessi lill-Gvern sad-data ta' l-egħluq, il-15 ta' Jannar 2002. Għall-ftuħ ta' dawn il-proposti kienu mistednin il-proponenti kollha.
Waqt dan il-proċess saru laqgħat u konsultazzjonijiet estensivi mal-unions rappreżentanti tal-ħaddiema tal-URLS. Mhux biss qatt ma kien hemm tħeddid għax-xogħol tal-ħaddiema, iżda kien hemm bażi ta' qbil dwar il-pakkett ta' benefiċċji li dawn il-ħaddiema se jgawdu taħt din l-inizjattiva. Sal-lum għadhom għaddejjin diskussjonijiet ma' l-unions.
Sadanittant il-Gvern iddeċieda li jinbdew negozjati mal-konsorzju li għamel l-aħjar proposta għall-partnership; dawn in-negozjati mistennija jwasslu għal ftehim dwar kif il-partnership tista' b'mod ekonomiku, effettiv u effiċjenti ssebbaħ il-pajjiż. Id-dettalji ta' kif dan se jiġri jiddependi min-negozjati li għaddejjin bħalissa.
Jekk ma jilħaqx qbil ma' dan il-konsorzju, il-Gvern jista' jibda' negozjati mal-proponent li l-proposta tiegħu kienet meqjusa t-tieni. Għalhekk m'huwiex prudenti li jingħataw aktar dettalji meta għadu ma ntlaħaq l-ebda ftehim.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN