Diskors tas-Segretarju Parlamentari fil-ministeru ghas-servizzi ekonomici, l-onor. Edwin Vassallo, dwar id-Direttorju l-ġdid għall-Artiġjani u l-Imprendituri - il-Belt Valletta – 30 ta’ lulju, 2002
Il-ħidma ta' marketing tal-prodott ta' l-Artiġjanat Malti kif ukoll ta' dak kollu li huwa artiġjanat, hija l-ħidma ewlenija tal-Kunsill Malti għall-Artiġjanat. Biex ikompli jitwettaq dan il-għan, illum il-Kunsill qiegħed jintroduci d-Direttorju ta' l-Artiġjani u l-Imprendituri li rreġistraw mal-Kunsill.
Permezz tal-pubblikazzjoni ta' dan id-direttorju, l-Kunsill Malti għall-Artiġjanat ser ikun qed jgħin biex f'pajjiżna jkunu aktar magħrufa dawk li huma nvoluti fil-proċess tal-manifattura ta' l-artiġjanat kif ukoll ikunu magħrufa dawk li huma nvoluti fil-bejgħ ta' prodotti ta' artiġjanat u li f'dan id-direttorju huma magħrufa bħala l-imprendituri.
Meta t-taghrif ghal dan id-direttorju kien qiegħed jingabar xi xhur ilu, kien hemm 336 artiġjani u 214 imprendituri membri fil-Kunsill Malti għall-Artiġjanat. Illum dan in-numru tela’ għal 512 artiġjani u 310 imprendituri. Din iż-żjieda fil-membri fi ftit xhur tixhed l-interess li qed irawwem il-Kunsill Malti għall-Artiġjanat f'min qiegħed jaħdem fis-settur artiġjanali. Dan huwa riżultat tal-ħidma ta' l-istess Kunsill.
Dan id-direttorju għandu jgħin biex l-Artiġjani li qed jaħdmu prodott ta' Artiġjanat Malti jkunu aktar magħrufa minn imprendituri li maż-żmien dejjem kienu jsibuha bi tqila li jsibu minn fejn jixtru prodotti Maltin.
Flimkien ma' ċertifikat ta' ġenwinita' li qed jitqassam b'xejn mill-Kunsill u issa t-tqassim ta' dan id-direttorju, huwa ttamat li din il-ħidma tkompli tgħin biex aktar imprendituri jbiegħu prodotti Maltin.
Il-publikazzjoni ta' dan id-direttorju, m'hijiex ser tinvolvi l-ebda spiża lill-Artiġjani u lill-Imprendituri. Dan id-direttorju ser jitqassam b'xejn fil-ħwienet li jbiegħu prodotti ta' artiġjanat, u kull min ikun interessat jista' jikteb direttament lis-Segretarju tal-Kunsill Malti għall-Artiġjanat.
Fil-futur, l-informazzjoni kollha li hemm f’dan id-direttorju ser tkun ukoll imtella’ fuq il-"web-site" tal-Kunsill Malti għall-Artiġjanat li ser tkun tifforma parti mill-"web-site" tal-Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi. Fil-"web-site" wiehed dejjem ghandhu jsib il-lista aġġornata ta' l-ismijiet, kemm ta' l-imprendituri kif ukoll ta' l-artiġjani li jkunu rreġistraw mal-Kunsill.
Huwa maħsub li direttorju bħal dan ikun ippubblikat darba fis-sena. Din l-inizjattiva hija ta' benefċċju għal dawk li jirreġistraw mal-Kunsill Malti għall-Artiġjanat li qegħdin igawdu minn inizjattivi li jieħu l-istess Kunsill.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN