Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MILL-MINISTERU GHAR-RIZORSI U L-INFRASTRUTTURA - "Il-Kap ta’ l-oppozizzjoni qed iwiegħed affarijiet li diga’ saru"

PR1044
Date Icon 30/07/2002

Il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura jirreferi għal dak li ġie rrapurtat li qal il-Kap ta’ l-Oppozizzjoni, l-Onor. Dr Alfred Sant, meta żar il-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa.

Dr Alfred Sant kien rrapurtat li wiegħed li Gvern Laburista ġdid se jkompli bix-xogħol ta’ tisbiħ li beda bejn l-1996 u l-1998 f’Birżebbuġa, u li ma tkompliex fl-aħħar erba’ snin. Il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li din l-allegazzjoni hi gidba sfaċċata u turi li jew il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni mhux infurmat tajjeb dwar dak li sar f’Birżebbuġa fl-aħħar tliet snin, jew irid iqarraq.

Il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura fakkar li l-Gvern preżenti fl-aħħar erba’ snin mhux biss wettaq il-proġett ta’ tisbiħ tal-promenade ta’ Birżebbuġa, iżda kellu jirranġa wkoll xogħol ħażin li kien sar qabel.

Il-Ministeru fakkar li wara l-bidla fil-Gvern f’Settembru 1998, u wara l-ewwel xita, instab li l-ilma li kien qed jinżel fil-Bajja s-Sabiħa, kien qed jistaġna bir-riżultat li l-bajja kienet qed tinbidel f’għadira ta’ ilma qiegħed. Għalhekk kellha tinqala’ l-bajja u ssir sistema li permezz tagħha l-ilma jiskula u ma jibqax qiegħed.

Il-Gvern preżenti bena’ l-ġnien li hemm fil-Bajja s-Sabiħa bl-għamara kollha li fih, sar il-pavimentar ta’ l-art, tqieghdu arbli dekorattivi tad-dawl u tħawwlu siġar. Inbena’ l-promenade mill-Bajja s-Sabiħa sal-Bajja ta’ San Ġorġ, inbnew żewġ parking areas fil-Bajja ta’ San Ġorġ u ħdejn Għar Dalam, inbniet bypass faċċata ta’ Għar Dalam u Public Convenience ġdida fil-Bajja ta’ San Ġorġ. Dawn huma kollha affarijiet li jidhru u li jafu bihom in-nies ta’ Birżebbuġa kollha. Il-Ministeru qiegħed ukoll jipprovdi l-ħaddiema biex jagħmlu xogħol ta’ manutenzjoni fuq dan il-proġett.

F’dawn l-aħħar erba’ snin, il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura naddaf ukoll partijiet minn Ħal Far, Bengħajsa u Għar Ħasan minn mijiet ta’ trakkijiet ta’ skart u bħalissa qed iwettaq proġett ta’ tisbiħ tul it-triq li twassal għal Għar Hasan.

Fix-xhur li ġejjin, il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura se jsebbaħ il-parti tax-xatt bejn il-Bajja ta’ San Ġorg u t-Torri ta’ San Luċjan filwaqt li wkoll se jsaħħaħ is-sistema tad-drenaġġ bil-bdil tar-rising main u bil-bini ta’ main ġdid biex ikun eliminat id-drenaġġ li sejjer f’Wied Żnuber.

Il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura fakkar ukoll li kien dan il-Gvern li bidel is-sistema tad-drenaġġ li qabel l-1987 kien sejjer il-baħar, li saħħaħ is-sistema ta’ l-elettriku u l-ilma, u mmodernizza s-sistema tat-telefon.

Din il-ħidma kollha qed igawdi minnha l-poplu kollu ta’ Birżebbuġa u tikkuntrasta ħafna ma’ dak kollu li m’għamlux id-diversi amministrazzjonijiet, immexxija mill-Partit Laburista.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

Aktar Stqarrijiet Right arrow