Siltiet minn diskors li l-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura Francis Zammit Dimech għamel meta żar ħaddiema li qed jagħmlu kors fil-bini ta' ħitan tas-sejjieħ
Il-Ministru għar-Rizorsi u l-Infrastruttura Francis Zammit Dimech qal li l-ħitan tas-sejjieħ huma parti mill-wirt ta' pajjiżna u għalhekk għandhom jiġu mħarsa.
Francis Zammit Dimech qal li fit-Taqsima tal-Parks u Konservazzjoni tal-Pajsaġġ hemm ħaddiema apposta li jibnu u jsewwu ħitan tas-sejjieħ. Hu fakkar li dawn il-ħaddiema wettqu diversi xogħlijiet ta' bini ta' ħitan tas-sejjieħ fosthom f'Wied Għomor li minn post mitluq inbidel f'ċentru ta' rikreazzjoni. Xogħol ieħor simili qed isir fl-inħawi ta' Għar Ħasan u barra s-swar tal-Kottonera.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li l-bini ta' ħitan tas-sejjieħ hi sengħa qadima li għal xi żmien kienet qed tintilef. Iżda llum minħabba li anke l-poplu sar aktar konxju mill-ġmiel ta' dawn il-ħitan din is-sengħa qed terġa' tqum.
Francis Zammit Dimech qal li tul din is-sena, Il-BICC intensifika l-impenn tiegħu sabiex jifrex fuq oqsma ġodda ta' edukazzjoni u taħriġ diversi snajja relatati ma' l-industrija tal-bini. Wara is-suċċess li kien reġistrat fil-programmi li jwasslu għall-liċenzja ta' bennejja, tant li bejn Ottubru 2001 u Ġunju 2002 irreġistraw 100 student, kif ukoll fiċ-ċertifikazzjoni ta' middle management - programmi li saru flimkien ma' l- Universita' ta' Malta u fejn kien hemm parteċipazzjoni tajba ħafna mis-settur privat - kien imiss li l-BICC tikkonċentra fuq oqsma ta' taħriġ fi snajja tradizzjonali li matul dawn l-aħħar snin kienu kważi ntilfu għal kollox.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li l-kors ta' taħriġ fil-bini ta' ħitan tas-sejjieħ seta' jseħħ wara pjan ta' azzjoni bejn il-BICC u l-għaqdiet mhux governattivi favur industrija tal-bini aktar sostenibbli. Hu qal li dan il-pjan jirrakomanda li terġa' tingħata spinta favur konservazzjoni tal-ħitan tas-sejjieħ u taħriġ fl-istess materja.
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li l-BICC identifika lill- Fondazzjoni Wirt Artna bħala sieħeb strateġiku fit-twettiq ta' dawn il-programmi. Il-programmi qed isiru fuq is-sit fejn ikunu qed jinbnew il-ħitan tas-sejjieħ sabiex il-parteċipanti jkunu mħarrġa b' mod prattiku f'din is-sengħa. Filwaqt li l-parteċipanti qed ikunu mħarrġa fuq is-sit b'mod professjonali, qed ikun assigurat impenn favur konservazzjoni ta' ħitan tas-sejjieħ fl-inħawi. Francis Zammit Dimech qal li għaldaqstant dan il-kors ikopri ukoll taħriġ bażiku fis-saħħa u sigurta', liema taħriġ il-BICC qed tesiġi li jkun obbligatorju f'kull programm edukattiv li tniedi.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li dan il-programm se jerġa' ikun ripetut f'żoni ohra f'Malta u Għawdex. Hu li l-BICC kien qed jittama li l-programm jitwettaq fuq bażi kontinwa.
Francis Zammit Dimech fakkar li s-sezzjoni għall-Parks u Konservazzjoni tal-Pajsaġġ fi ħdan il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura bħalissa kien għaddej bi programm ta' tneħħija ta' tankijiet mill-ħitan tas-sejjieħ. Francis Zammit Dimech qal li tul l-aħħar xahar diġa tneħħew 814-il tank minn ħitan tas-sejjieħ. Hu fakkar li f'din l-operazzjoni t-tankijiet kienu jitbattlu mill-ġebel u wara, permezz ta' tagħmir apposta kienu qed jitgħaffġu. Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li f'din il-ħidma l-Ministeru kien qed isib il-kooperazzjoni tal-pubbliku. Hu fakkar li Avviz Legali 160/97 kien jagħti poter lill-Gvern li wara sitt ġimgħat minn mindu jingħata avviż biex tankijiet jew oġġetti oħra jineħħew, il-Gvern jneħħihom hu spejjeż tas-sidien jew okkupanti li għandhom id-dmir iżommu l-ħitan ta' l-għelieqi tagħhom fi stat tajjeb u li l-obbligu li jneħħu dawn l-oġġetti huma.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li t-tneħħija tat-tankijiet u oġġetti oħra u ż-żamma tajba tal-ħitan tas-sejjieħ kienu jiffurmaw parti mill-pjani tal-Gvern biex l-ambjent f'pajjiżna jinżamm fi stat tajjeb u biex il-poplu Malti u dawk li jżuruna jgawdu l-kampanja ta' pajjiżna. Francis Zammit Dimech appella biex filwaqt li qed isiru dawn l-isforsi biex il-ħitan tas-sejjieħ jinżammu fi stat tajjeb mhux biss billi nneħħu tankijiet u oġġetti oħra li jkerrħuhom iżda wkoll billi jitħarrġu ħaddiema fix-xogħol tal-bini u t-tiswija tagħhom, il-poplu għandu jagħti sehmu billi ma jagħmilx ħsara lil dawn il-ħitan u anke billi jżomm il-kampanja nadifa.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN