Restawr tal-Funtana ta’ l-Ajkla fil-Ġonna ta’ Sant’Anton
Meta zar xoghol ta’ restawr li sar fuq il-Funtana ta’ l-Ajkla fil-Gonna ta’ San Anton, il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura Francis Zammit Dimech qal li l-ħidma ta’ restawr li qed issir f’postijiet storiċi mal-pajjiż kollu qed twassal biex il-poplu Malti jsir aktar konxju tal-wirt storiku ta’ pajjiżna u biex qed japprezza dejjem iżjed dak li ħallewla ta’ qabilna biex aħna wkoll inħalluh lil ta’ warajna aħjar milli sibnieħ.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li fl-aħħar snin kibret il-kooperazzjoni mhux biss bejn id-diversi dipartimenti tal-Gvern u bejn il-Gvern u għaqdiet volontarji iżda anke ma’ pajjiżi barranin. Hu qal li f’dan ir-rigward il-Gvern kien sab għajnuna kbira ta’ restawraturi Taljani li wara l-ħidma li wettqu biex ġiet restawrata l-faċċata tal-Knisja ta’ Santa Caterina d’Italia baqgħu jaħdmu fuq erba’ proġetti oħra fl-isfond tal-programm cantieri scuola.
Francis Zammit Dimech qal li s’issa twettqu erba’ proġetti mill-cantieri scuola fejn personnel mill-Unit għar-Restawr u studenti li qed isegwu kors vokazzjonali fil-Kulleġġ ta’ l-Arti, Xjenza u Teknoloġija ħadmu taħt is-superviżjoni ta’ periti mill-Unit għar-Restawr u restawraturi Taljani.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li fost l-erba’ proġetti li twettqu taħt il-proċess tal-cantieri scuola hemm dak tar-restawr tal-Funtana ta’ l-Ajkla fil-Ġonna ta’ Sant’Anton. Hu qal li dan il-proġett kien jinkludi d-dokumentazzjoni tal-funtana, it-tindif minn kisi bis-siment u minn tibjid li sar fl-aħħar xogħol ta’ restawr fit-tmeninijiet. Ix-xogħol inkluda ukoll il-konsolidament ta’ partijiet li kienu qed jiddeterjoraw, l-applikazzjoni ta’ kisi protettiv u sistema ġdida ta’ kanen ta’ l-ilma biex l-ilma ma jolqotx u jċarċar f’kuntatt dirett mal-parti skulturata.
Francis Zammit Dimech qal li x-xogħol fuq dan il-proġett spiċċa f’Mejju li għadda u sewa Lm22,000 mingħajr ma jingħaddu l-ispejjeż f’pagi li tħallsu lill-ħaddiema tal-Gvern. Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li mill-investiment li sar f’dan il-proġett il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura ħareġ Lm17,800 flimkien max-xogħol li sar mill-ħaddiema tiegħu. Il-bqija tal-flus inħarġu mill-Awtorita’ Maltija tat-Turiżmu li qed tagħti sehma f’diversi proġetti ta’ restawr billi toħroġ parti mill-ispejjeż.
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li l-ħaddiema li jaħdmu fil-qasam tar-restawr ma kenux ħafna. Dawn riedu taħriġ speċjali peress li r-restawr illum qiegħed isir b’mod aktar xjentifiku u professjonali. Francis Zammit Dimech qal li bħalissa kienu qed isiru għexiren ta’ proġetti ta’ restawr mill-Gvern u għalhekk dawk kollha li jaħdmu f’dan is-settur kienu impenjati f’ħidma importanti favur il-ħarsien tal-wirt storiku ta’ pajjiżna.
Francis Zammit Dimech qal li għal darb’oħra ried jieħu l-opportunita’ biex jirringrazzja lil kulmin qed jagħti sehmu biex inħarsu l-wirt storiku ta’ pajjiżna, lill-periti u l-ħaddiema fi ħdan il-Unit għar-Restawr, lir-restawraturi Taljani u lill-kuntratturi. Francis Zammit Dimech qal li anke r-restawr hu indikatur importanti ta’ kif qed jaħsbuha l-Maltin. Dawn qed jammiraw aktar dak kollu li għandna għaliex jafu li l-wirt storiku ta’ pajjiżna jagħtina identita’ u allura jagħmilna aktar Maltin.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN