Servizz ta' Kwalita' għall-Pubbliku
Il-Ministeru ta' l-Edukazzjoni permezz tal-Office of Review nieda Quality Service Charter fejn qed jintrabat li jagħti servizz aħjar, aktar effiċjenti u effettiv u ta' l-għola kwalita' lill-publiku. Dan se jagħmlu permezz ta' uffiċju ġdid tal-Customer Care kif ukoll ta' standards għolja ta' kif il-publiku għandu jingħata l-informazzjoni u r-risposti mitluba, b'rispett, fil-ħin, u għas-sodisfazzjon ta' min ikun qed jinqeda.
L-Office of Review hu uffiċju relattivament ġdid li twaqqaf madwar sena ilu. Dan l-offiċċju għandu r-responsabbilta' li jmexxi u jixpruna l-bidla fid-dipartimenti li jaqgħu taħt il-Ministeru ta' l-Edukazzjoni. L-uffiċċju jieħu ħsieb ukoll l-ħtiġijiet tal-publiku permezz tal-Customer Care kif ukoll affarijiet li għandhom x'jaqsmu ma' l-Unjoni Ewropea.
Is-Sur Frans Borg, Direttur ta' l-Office of Review, qal li madwar 1400 persuna inqdew personalment jew permezz tat-telefon u l-e-mail mill-uffiċju tal-Customer Care fix-xahar li għadda biss. Intlaqgħu ukoll madwar 800 applikazzjoni li l-maġġoranza tagħhom huma għal impjieg. Id-Direttur qal li minn meta twaqqaf l-uffiċċju, madwar 500 każ kienu jirrikjedu l-intervent tiegħu u tal-koordinatur tal-Customer Care minħabba n-natura tal-każ. Is-Sur Borg qal li kull sena madwar 20,000 persuna tagħmel użu mis-servizz tal-Customer Care.
Is-Sur Borg tenna li t-tema ewlenija li se tiggwida lill-uffiċjali kollha li huma parti mill-Customer Care se jkun "B'Ġustizzja u B'Rispett". Il-Customer Care Unit trid tara li l-publiku mhux biss jingħata informazzjoni preċiża u fil-pront imma trid tara wkoll li tagħti vuċi lil dawk kollha li jħossuhom mitlufa quddiem sistemi burokratiċi. Hu sostna li kull min jiġi biex jinqeda jrid iħossu rispettat u sodisfatt li ġie trattat b' ġustizzja.
L-Office of Review issa se jkompli jaħdem fuq it-tisħiħ tal-Uffiċċju Ċentrali, amalgamazzjoni ta' l-uffiċji kollha tal-Customer Care li jinsabu fid-dipartimenti u entijiet li jaqgħu taħt il-Ministeru ta' l-Edukazzjoni, u t-tisħiħ tal-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni mal-Kunsilli Lokali u l-Kunsilli ta' l-Iskejjel.
Il-Ministru ta' l-Edukazzjoni Louis Galea qal li l-Gvern qiegħed dejjem ikompli jtejjeb is-servizz li joffri biex il-publiku jinqeda aħjar. Hu qal li hekk kif il-kwalita' tal-ħajja tal-poplu Malti tkompli titjieb hekk ukoll jiżdiedu l-istandards ta' kwalita' li jeżiġi l-publiku. Il-Gvern għalhekk irid jara li l-ħtiġijiet tal-publiku jiġu moqdija b'mod li dejjem iħossu sodisfatt u rispettat bis-servizz li jingħata.
Il-Ministru sostna li l-Gvern, filwaqt li joffri servizz ta' kwalita' irid ukoll ikun aġġornat mat-teknoloġija tal-kommunikazzjoni li qed tiżviluppa biex l-publiku jingħata kull mezz biex jikkomunika mal-Gvern. Hawn il-Ministru semmma l-impenn tal-Gvern biex joffri servizz eletrroniku ta' l-għola livell permezz tal-Internet u biex jagħti aktar aċċess lill-poplu Malti biex juża dan is-servizz. Il-Ministru qal li l-Ministeru ta' l-Edukazzjoni għandu l-website tiegħu fuq www.education.gov.mt fejn il-publiku jista jsib informazzjoni aġġornata kif ukoll jikkomunika mal-Ministeru biex jikseb aktar informazzjoni. Il-Ministru qal li bħalissa madwar 5000 ruħ iżuru l-website tal-Ministeru kull xahar b'aktar minn 400,000 hit, u kull jum il-Ministeru jirċievi numru ta' mistoqsijiet għal aktar informazzjoni min dawk li jżuru l-website. Madankollu, qal il Ministru, il-kuntatt personali jibqa mezz importanti biex il-publiku jikkomunika mal-Ministeru.
Il-Ministru Galea temm ifaħħar x-xogħol siewi li qed iwettaq l-Office of Review li fil-ftit żmien li ilu jopera diġa beda jwettaq bidliet importanti. Hu awgura li fil-ġejjieni dan l-uffiċċju ikompli jissaħħaħ biex il-Ministeru ta' l-Edukazzjoni ikollu kultura ta' bidla kontinwa tant meħtieġa partikolarment f'dan il-qasam.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN