IBHRA IZJED INDAF
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura, l-Onor. Francis Zammit Dimech qal li kull ġimgħa t-Taqsima għas-Saħħa Ambjentali fi ħdan id-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika tieħu kampjuni ta’ l-ilma baħar minn 87 lokalità f’Malta u Għawdex fejn hu permess li jsir għawm. Kull ġimgħa l-istess taqsima toħroġ rapport fejn tindika kif jikklassifikaw dawn il-lokalitajiet, sew taħt il-Barcelona Convention Interim Criteria kif ukoll taħt il-EU Directive site classification.
Il-Ministru kien qed jitkellem waqt li kien qed isegwi l-kampanja ta’ tindif ta’ l-ibhra li saret fil-Ferries, f’tas-Sliema.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li jirriżulta li sal-ġimgħa l-oħra kien hemm biss sebat ijiem li matulhom ingħalqu siti għall-għawm. Fl-istess perjodu s-sena l-oħra, li kienet l-aħjar sena għall-kwalità ta’ ilma baħar għal bosta snin, kien hemm 48 jum li matulhom ingħalqu siti għall-għawm.
Francis Zammit Dimech qal li dawn ir-riżultati huma l-frott ta’ ħidma intensiva li titwettaq mid-diversi taqsimiet tal-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura. Hu qal li t-tniġġiż ewlieni li jsir fl-ibħra Maltin hu riżultat ta’ sbokki tad-drenaġġ. Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li tul l-aħħar snin saret ħidma kbira biex ikunu eliminati l-isbokki regolari li kien hemm f’bajjiet ewlenin fosthom dawk ta’ Tas-Sliema u San Ġiljan, Marsaskala u Birżebbuġa. Hu qal li biex setgħu jiġu eliminati dawn l-isbokki kellhom jinbidlu mains tad-drenaġġ, jinbnew pumping stations ġodda u ssir ħidma regolari ta’ manutenzjoni.
Francis Zammit Dimech qal li kull meta d-Dipartiment tad-Drenaġġ ikollu l-inqas ħjiel ta’ ħsarat dan qed jieħu l-passi kollha bl-aktar mod mgħaġġel biex jitneħħa l-inkonvenjent fl-aqsar żmien possibbli.
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li jkun hemm ukoll okkażjonijiet fejn ikun hemm sabutaġġi fis-sistema, kif ġara f’aktar minn każ wieħed is-sena l-oħra. Kompla jghid li dawn is-sabutaġġi huma ta’ min jistmerrhom, għaliex mhux biss jagħmlu ħsara bla bżonn lis-sistema tad-drenaġġ, iżda joħolqu inkonvenjenzi għal eluf ta’ nies.
Francis Zammit Dimech qal li taqsima oħra li qed tagħti kontribut ewlieni biex l-ibħra jinżammu ndaf hi I-anti-pollution module. Din it-taqsima permezz ta’ tliet laneċ u tagħmir li għandha biex tikkumbatti t-tniġġiż fuq il-baħar tnaddaf wiċċ il-baħar minn skart li jintrema minn vapuri, laneċ u biċċiet oħra tal-baħar u f’każ ta’ tniġġiż miż-żejt, tikkontrolla u tneħħi dan it-tniġġiż. Francis Zammit Dimech qal li l-aħħar tniġġiż li kkumbattiet din it-taqsima kien ħruġ ta’ kwantità ta’ żejt mit-tank cleaning farm tal-Malta Drydocks f’Rinella.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li l-Gvern qed jibni l-infrastruttura meħtieġa biex nikkumbattu t-tniġġiż fil-baħar. Din qed tagħti r-riżultati mixtieqa kif jirriżulta mill-kwalità ta’ l-ilma tal-baħar. Francis Zammit Dimech appella lil kulħadd biex ma jitfax skart fil-baħar għaliex anke dan kien jagħmel ħsara lill-ambjent marittimu u jista’ jwassal għal inċidenti li jħassru l-pjaċir ta’ min ikun qiegħed iqatta’ l-ħin liberu tiegħu.
Il-Ministru irringrazzja lill-anti-pollution module li jorganizza dawn il-kampanji ta’ tindif fil-baħar, lill-għaddasa li jivvolontarjaw li jnaddfu qigħ il-baħar u lid-diversi sponsors li mingħajr l-appoġġ tagħhom attivitajiet bħal dawn ma jkunux jistgħu jsiru.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN