Campus ġdid għall-MCAST f’Għawdex
L-MCAST ser ikollu Ċentru tiegħu f’Għawdex. Fil-fatt għas-sena skolastika li ġejja, l-korsijiet kollha tal-MCAST f’Għawdex ser jiġu offruti mill-campus tal-MCAST fix-Xagħra, Għawdex.
Dan ħabbru l-Ministru ta’ l-Edukazzjoni, l-Onor. Dr. Louis Galea f'konferenza stampa mgħotija flimkien mall-Ministru għal Għawdex, l-Onor. Giovanna Debono. Fil-Konferenza ħadu sehem ukoll il-President tal-Kulleġġ is-Sur Victor Scicluna, il-Prinċipal tal-MCAST s-Sur Roy Snelling u s-Sur Michael Cassar, Assistent Direttur ta' l-Edukazzjoni għal Għawdex. Waqt il-Konferenza tnieda wkoll il-Prospectus ta' korsijiet li l-MCAST se joffri fiċ-Ċentru l-ġdid f'Għawdex tul is-sena akkademika 2002-2003.
Il-Ministru Louis Galea qal li wara li s-sena li għaddiet infetaħ il-Kulleġġ Malti għall-Arti, Xjenza u Teknoloġija f'Malta, inħass il-bżonn li anke f'Għawdex il-Kulleġġ ikollu Satellite Campus fejn l-Għawdxin ikunu jistgħu isegwu numru ta' korsijiet minn fost dawk li joffri l-Kulleġġ.
Il-Ministru għal Għawdex qalet li b’dan l-ewwel Ċentru tal-MCAST f’Għawdex il-pakkett ta’ korsijiet li dan il-kulleġġ ser joffri f’Għawdex huwa pass lejn aktar aċċessibilita’ ta' żgħażagħ u adulti Għawdxin għal varjeta' ta' Korsijiet Vokazzjonali. B'hekk Għawdex ser ikollu mhux biss iċ-Ċentru ta' l-Universita' iżda wkoll iċ-Ċentru ta' l-MCAST li hu maħsub li fuq firxa ta' snin jiżviluppa f'Kulleġġ ta' l-għola kwalita'.
Matul is-sena li għaddiet, jiġifieri fl-ewwel sena ta’ l-operat tiegħu, l-MCAST offra l-korsijiet f’Għawdex miċ-Ċentru tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni fir-Rabat għall-Studji Avvanzati, Sir Mikelanġ Refalo. Mis-sena akkademika li jmiss, il-korsijiet ser jiġu offruti mill-Campus ta' l-MCAST f'Għawdex li ġie organizzat fil-Kumpless ta’ l-Iskejjel fix-Xagħra. F'dan il-Kumpless qed isiru x-xogħlijiet meħtieġa biex f'Ottubru li ġej jibda jopera dan iċ-Ċentru. Iċ-Ċentru se jkollu faċilitajiet estensivi f'wieħed mill-blokki tal-Kumpless fix-Xagħra. Il-Ministru Louis Galea qal li qed isir xogħol biex iċ-Ċentru ta' l-MCAST f'Għawdex ikun mgħammar b'dawk il-faċilitajiet li huma meħtieġa biex il-Kulleġġ iħarreġ u jeduka zgħazagħ u adulti fil-korsijiet li se jiġu organizzati f'Għawdex. Hu qal ukoll li fil-ġimgħat li ġejjin se jsiru l-intervisti biex ikunu impjegati il-ko-ordinatur taċ-ċentru kif ukoll l-istaff amministrattiv u l-għallima li hemm bżonn għat-tagħlim u taħriġ tal-korsijiet full-time u part-time li se joffri iċ-Ċentru.
Il-Ministru Giovanna Debono qalet li b'dan il-pass qed tkompli titwettaq il-politika li jħaddan il-Ministeru għal Għawdex, li jsir dak kollu possibbli biex l-Għawdxin ikollhom l-aħjar opportunitajiet f'Għawdex stess. Il-Ministru semmiet kemm din il-politika qed tħalli frott fil-qasam edukattiv u dak tax-xogħol. Dan jidher fin-numru dejjem jiżdied ta’ studenti ta’ kull eta’ li qed jattendu ċ-Centru ta’ l-Univerista’ ta’ Malta f’Għawdex, iċ-Ċentru għal-Studji Avvanzati Sir M. A. Refalo, kif ukoll l-iskejjel ta’ l-Arti, Mużika u Drama u fl-impenn sħiħ li jinġieb Għawdex il-back office work ta’ diversi dipartimenti.
Id-deċiżjoni dwar liema korsijiet jistgħu jiġu organizzati fiċ-Ċentru ta' l-MCAST f'Għawdex tiddependi mid-domanda ta’ l-istudenti Għawdxin mill-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol f’Għawdex kif ukoll mill-istadju ta' l-iżvilupp tal-Kulleġġ innifsu. Hu l-iskop tal-MCAST li jkompli jżid il-korsijiet f'Għawdex, speċjalment korsijiet f'oqsma speċjali għal għawdex b'attenzjoni partikolari għas-settur tan-negozji ż-żgħar.
Għas-sena skolastika li jmiss ser jiġu offruti tmien korsijiet li erbgħa minnhom qatt ma kienu offruti f’Għawdex qabel. Il-korsijiet li ser jiġu offruti huma:
- MCAST Foundation Course fl-Elettronika (kors ġdid)
- Kors ta’ Tekniku fid-Draughtsmanship (kors ġdid)
- L-Ewwel Diploma fl-Istudji tal-Komputer
- Diploma Nazzjonali fl-Istudji tal-Komputer (kors ġdid)
- Ċertifikat fis-Servizzi Bankarji u Finanzjarji
- Ċertifikat fl-Istudji Amministrattivi u Segreterjali
- Ċertifikat fir-Retaling (kors ġdid)
- Ċertifikat ta’ Accounting Technician
Il-Ministru Galea temm jgħid li l-ftuħ taċ-Ċentru ta' l-MCAST f'Għawdex ikompli juri l-impenn tal-Kulleġġ li joffri għażla wiesa ta' korsijiet lil firxa wiesa ta' persuni minn żgħażagħ għal adulti, minn dawk li għadhom kif temmew il-livell sekondarju għal dawk li diġa qed jaħdmu, u issa wkoll għall-Għawdxin. Il-Ministru qal li kif għamel is-sena l-oħra l-MCAST qed joffri numru ta' korsijiet bażiċi li għalihom mhemmx bżonn kwalifiki u allura huma miftuħin għal kulħadd, uħud minnhom se joffrihom iċ-Ċentru t'Għawdex.
Il-Prospectus kollu tal-MCAST qed jiġi mpustat lill-istudenti kollha li temmew il-livell sekondarju, fih wieħed isib ukoll ktejjeb dwar il-korsijiet offruti miċ-Ċentru ta' Għawdex.
Madankollhu kull min hu interessat li jikseb kopja tal-Prospectus għandu jikkuntattja liċ-Ċentru ta' Informazzjoni ta' l-MCAST fuq in-numru: 21806440 jew billi jibgħat e-mail lil: information@mcast.edu.mt
Il-Kulleġġ joffri wkoll servizz ta' Guidance and Counseling dwar kif wieħed jista jkompli fil-mixja edukattiva tiegħu jew tagħha. Ser issir laqgħa għall-istudenti u l-ġenituri tagħhom nhar it-Tlieta 20 ta' Awissu, il-post u l-ħin jiġu ikkomunikati lill-istudenti kkonċernati aktar il-quddiem.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN