L-MCAST: TGĦALLEM ISSA GĦALL-FUTUR TIEGĦEK
Sena wara it-twettiq tal-wegħda tal-Gvern li jiftaħ Kulleġġ Vokazzjonali, tnieda il-Prospectus għas-sena 2002-2003 mill-Ministru ta' l-Edukazzjoni Louis Galea. Il-Prospectus juri l-iżviluppi li saru biex żgħażagħ u adulti jsibu fl-MCAST dak il-kors jew taħriġ li jista’ jiftħilhom il-bibien għal karriera ġdida jew xogħol li ikun l-aktar għal qalbhom. Il-Kulleġġ Vokazzjonali huwa opportunita’ unika għall-pajjiżna fejn wieħed isib taħlita ta’ korsijiet li jqarrbu kemm jistgħu id-dinja tat-tagħlim lejn id-dinja tax-xogħol. Il-Kulleġġ huwa inizjattiva ġdida biex inkattru it-tagħlim fost firxa usa tal-popolazzjoni tagħna.
Il-Prosectus għandu informazzjoni ġenerali dwar il-Kulleġġ, dwar il-ħajja fil-Kulleġġ, dwar il-Campuses differenti, dwar kif jintgħażlu l-istudenti, kif wieħed jista japplika, dwar l-għotjiet ta' manteniment, dwar skemi ta' apprendistat u dwar il-korsijiet kollha li joffri l-Kulleġġ. Il-Korsijiet huma maqsuma f'sitt taqsimiet, taqsima għal kull Istitut li għandu l-Kulleġġ s'issa. Dawn l-Istituti huma:
- L-Istitut ta' l-Arti u d-Disinn
- L-Istitut ta' l-Inġinerija tal-Bini u Kostruzzjoni
- L-Istitut ta' l-Inġinerija Elettronika
- L-Istitut Marittimu
- L-Istitut tan-Negozju u Kummerċ
- L-Istitut tat-Teknoloġija ta' l-Informatika u l-Komunikazzjoni
Din is-sena l-Kulleġġ qed joffri korsijiet ġodda bħal ma huma l-Kors Bażiku fl-Elettronika, iċ-Ċertifikat Bażiku fin-Negozju, u Diploma fl-Istudji tal-Kompjuter.
Waqt it-tnedija tal-Prospectus għal din is-sena, il-Ministru qal li l-isfidi li l-pajjiż għandu quddiemu jitolbu tagħlim aġġornat, prattiku u speċjalizzat. L-iżviluppi fix-xjenza u t-teknoloġija kif ukoll fl-oqsma kollha ta’ l-iżvilupp ekonomiku u soċjali jitolbu nies imħarrġa sewwa mhux biss fil-qasam partikolari tagħhom imma ukoll bħala ħaddiema li jagħrfu jagħtu sehemhom kollu fix-xogħol li jkunu qed jagħmlu. Il-programmi tal-Kulleġġ Vokazzjonali huma imsejsa fuq dan il-prinċipju fundamentali jiġifieri ta’ edukazzjoni kompleta. Fid-dinja tax-xogħol tas-seklu 21 hu essenzjali li l-ħaddiem jkun imħarreġ sewwa, flessibli, kapaċi jieħu deċizjonijiet waħdu, effiċjenti, responsabbli u proattiv.
Il-Ministru sostna li illum diffiċli wieħed jibqa' fl-istess xogħol sa' l-eta' ta' l-irtirar. Huwa għalhekk li l-Kulleġġ Vokazzjonali barra li jagħti t-taħriġ meħtieġ fil-qasam magħżul, isawwar fl-individwu dawk il-kwalitajiet jew life skills meħtieġa biex il-bniedem ikompli jiżviluppa tul ħajjtu kollha. L-MCAST joffri kemm korsijiet għaż-żgħażagħ kif ukoll għall-adulti biex b’hekk kulħadd ikollu l-opportunita' li jieħu it-tagħlim li jixtieq, meta jista’, u skond iċ-ċirkostanzi soċjali u ekonomiċi.
Il-Kulleġġ Malti għall-Arti Xjenza u Teknoloġija infetaħ għall-istudenti f'Ottubru li għadda u bħalissa hemm madwar 1000 student ġdid. Fl-ewwel sena l-Kulleġġ kellu 27 kors full-time u xi korsijiet part-time ukoll. Is-sitt Istituti tal-Kulleġġ Vokazzjonali illum joffru ‘l fuq minn 33 kors filgħodu u filgħaxija. Minn Ottubru 2002 l-MCAST se joffri ukoll ‘l fuq minn 60 kors part-time għal dawk li jew jixtiequ jattendu matul il-ġurnata jew filgħaxija. Għall-Korsijiet ta' filgħaxija se jinħareġ Prospectus separat f'Awissu. Għall-Għawdxin, minbarra dan il-prospectus, l-MCAST ser jippublika l-Prospectus taċ-Ċentru ta' Għawdex fil-jiem li ġejjin.
Louis Galea qal li mill-ftuh ta’ l-MCAST f’Settembru tas-sena l-oħra sa llum saru qabżiet sinifikanti fil-kwalita’ tat-tagħlim u taħriġ kif ukoll fl-organizzazzjoni ta’ Kulleġġ li għadu fil-bidu tal-ħajja tiegħu. Hu qal li fis-sena akkademika li jmiss u f’dawk ta’ wara, dak li mbena s'issa jibqa jiġi żviluppat għal ġid ta’ uliedna u ta' pajjiżna.
Il-Prospectus qed jiġi mpustat lill-istudenti kollha li temmew il-livell sekondarju, kif ukoll qed jintbagħtu ukoll applikazzjonijiet għall-għażla tal-korsijiet. Madankollu kull min hu interessat li jikseb kopja tal-Prospectus għandu jikkuntattja liċ-Ċentru ta' Informazzjoni ta' l-MCAST fuq in-numru: 21806440 jew billi jibgħat e-mail lil: information@mcast.edu.mt. Il-Kulleġġ joffri wkoll servizz ta' Guidance and Counseling dwar kif wieħed jista jkompli fil-mixja edukattiva tiegħu jew tagħha.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN