TISBIĦ U RESTAWR FIL-BARRAKKA T’ISFEL
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura Francis Zammit Dimech qal li l-proġett għat-tisbiħ tal-Barrakka t’Isfel hu parti minn programm intensiv li l-Proġett għar-Riabilitazzjoni tal-Belt Valletta fi ħdan il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qed iwettaq biex itejjeb l-inħawi kollha pubbliċi fil-belt Valletta u l-Floriana. Huwa qal dan waqt li dalgħodu żar proġetti ta’ tisbiħ u restawr fil-Barrakka t’Isfel.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech fakkar li fil-Floriana diġà kien inawgurat iċ-Ċentru Rikreattiv ir-Re George V li, b’nefqa’ ta’ Lm150,000 minbarra s-salarji u l-pagi tal-ħaddiema tal-Gvern li ħadmu fuq dan il-proġett, bidel ġnien fi stat ta’ abbandun f’ċentru ta’ rekreazzjoni mill-isbaħ. Fl-istess lokalità inbeda wkoll xogħol biex jissebbaħ il-Mall. Dan ix-xogħol se jingħata spinta ’l quddiem fix-xhur li ġejjin.
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li fil-belt Valletta nbeda xogħol fuq il-ħajt tal-Ġnien ta’ Hastings li kien fi stat perikoluż. Dan il-ħajt inħatt biex jinbena mill-ġdid. Il-Ministru Zammit Dimech qal li fil-Barrakka ta’ Fuq, wara li il-Proġett għar-Riabilitazzjoni tal-belt Valletta xi snin ilu rrestawra l-arkati, inbeda xogħol fil-parti t’isfel tal-ġnien u hemm applikazzjoni pendenti quddiem il-MEPA għal titjib sostanzjali fil-parti ta’ fuq tal-ġnien.
Francis Zammit Dimech qal li fil-Barrakka ta’ Isfel il-Proġett għar-Riabilitazzjoni tal-belt Valletta kien diġà rrestawra l-arkati u neħħa kmamar moderni, inklużi toilets, li kienu nbnew. Ġie rrestawrat ukoll il-monument ta’ Ball. Hu qal li kienu inbdew ukoll il-preparazzjonijiet għall-pavimentar u titjib ieħor fil-post.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li l-ispiża biex isir it-titjib fill-Barrakka t’Isfel għandha tilħaq mat-Lm80,000.
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura tkellem ukoll dwar ir-restawr li kien sar lill-moument dedikat lil Sir Alexander Ball. Hu qal li dan ix-xogħol ta’ restawr sar fuq inizjattiva tal-Proġett għar-Riabilitazzjoni tal-Belt Valletta u l-fondi għalih ħarġu mill-Unit għar-Restawr fi ħdan il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura u mill-Awtorità ta’ Malta għat-Turiżmu. Ix-xogħol inbeda f’Settembru tas-sena l-oħra.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li dan kien wieħed mill-erba’ proġetti cantieri scuola li twettqu sal-lum. F’dawn il-proġetti personnel mill-Unit għar-Restawr u studenti miċ-Ċentru ta’ Malta għar-Restawr, li bħalissa qed isegwu kors vokazzjonali tar-restawr fl-MCAST, qed jaħdmu taħt is-superviżjoni ta’ periti mill-Unit għar-restawr u restawraturi Taljani.
Francis Zammit Dimech qal li dan il-proġett, li kopra l-aspetti tar-restawr mid-dokumentazzjoni inizjali u analiżi tal-laboratorju, għall-konsolidament, tindif u protezzjoni, intemm f’Ġunju 2002.
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li dan il-proġett sewa Lm37,000.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li l-ħarsien tal-wirt storiku ta’ pajjiżna kien ħafna għal qalb il-Gvern preżenti tant li ħoloq l-infrastruttura biex bini storiku, fortifikazzjonijiet u swar jiġu riabilitati u restawrati.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN