Left arrow Go Back

DISKORS MILL-ONOR. EDDIE FENECH ADAMI, PRIM MINISTRU, FL-INAWGURAZZJONI TA’ L-AWLA TA’ L-ISPORT MULTIPURPOSE FL-UNIVERSITÀ TÀ MALTA - IL-ĠIMGĦA, 19 TA’ LULJU, 2002

PR1003
Date Icon 19/07/2002

Bl-Isport insaħħu is-Soċjetà. Fl-introduzzjoni għall-programm elettorali qabel l-aħħar elezzjoni, ktibna li l-iskop ewlieni tal-Gvern il-ġdid huwa li jkattar il-ġid komuni. It-tkattir tal-ġid komuni jfisser li l-ħidma tagħna għandha tinfirex u ttejjeb l-aspetti kollha li jsawwru l-ħajja tal-bniedem u li kulħadd ikollu l-opportunità jiżviluppa l-potenzjal sħiħ tiegħu.

Din l-okkażjoni tal-lum hija proprju ċ-ċelebrazzjoni ta’ dawn l-għanijiet. Li taħdem sabiex tiżviluppa soċjetà b’saħħitha mhix xi ħaġa faċli fiż-żminijiet tal-lum. Iż-żgħażagħ tagħna qed ikunu ffaċċjati b’ħafna aljenazzjonijiet: id-divertiment, ikel mhux tajjeb għas-saħħa, ħajja mingħajr eżerċizzju.

Sabiex verament naslu għal soċjetà fejn kull persuna ssib il-milja tagħha, jeħtieġ li l-investiment tagħna ma jkunx iffukat biss fuq is-saħħa, l-edukazzjoni, it-tkattir tal-impjiegi.

Il-ħin liberu tal-bniedem huwa essenzjali wkoll għall-ferħ tal-persuna, għas-saħħa tiegħu u jiddetermina kemm u kif dik il-persuna tintegra u tikkontribwixxi fis-soċjetà. B’dan il-mod għandna nħarsu lejn l-isports: bħala mezz kif il-bniedem jista’ jsib il-bilanċ f’ħajtu permezz ta’ attività li tagħtih sodisfazzjon.

L-investiment li qegħdin nagħmlu fil-qasam sportiv iħares lejn il-ħtiġijiet li għandu pajjiżna f’dan il-qasam. Ħassejna li l-pajjiż kellu bżonn ta’ faċilitajiet mifruxin f’diversi nħawi u li jistgħu jakkomodaw dixxiplini diversi sabiex kull min irid jipprattika xi sport ikollu faċilità qrib tiegħu. Għalhekk nedejna programm ta’ żvilupp ta’ faċilitajiet reġjonali u nazzjonali. Wieħed ma jistax ma jsemmix iċ-Ċentru Nazzjonali Sportiv Kottonera fejn ix-xogħol miexi ġmielu u li mistenni jitlesta sal-bidu ta’ Marzu s-sena d-dieħla kif ukoll iċ-Ċentru Reġjonali Sportiv Karwija fejn il-permessi nħarġu u sa l-aħħar tal-Ħarifa mistenni jibda x-xoghol fuq is-sit. Żgur li dan l-investiment ser ikattar il-parteċipazzjoni fl-isport.

Iżda l-investiment ta’ dan il-Gvern fl-isport ma sarx biss fl-infrastruttura u ma jħarisx biss lejn il-parteċipazzjoni.

  • Qegħdin ngħinu l-amministrazzjoni sportiva permezz tal-flus lill-Assoċjazzjonijiet u Għaqdiet Sportivi. Dawn l-allokazzjonijiet qegħdin jiżdiedu minn sena għal sena;
  • Qegħdin ninvestu aktar fl-edukazzjoni għall-isport;
  • Qegħdin ngħinu anke permezz ta’ għajnuniet finanzjarji sabiex jkunu organizzati kompetizzjonijiet internazzjonali f’Malta bħal-logħob tal-FISEC li ser jibdew fil-jiem li ġejjin, kif ukoll il-logħob tal-pajjiżi ż-żġħar li ser jinżammu Malta s-sena d-dieħla.

It-tlestija ta’ din is-Sala Sportiva ġewwa l-Università tolqot dawn l-għanijiet kollha. M’għandix dubju li l-element pedagoġiku li qed toffri l-Università fil-qasam tal-edukazzjoni fiżika ser jissaħħaħ.

Bil-firxa ta’ faċilitajiet li fih dan il-kumpless, dan issa sar benniena għall-amministrazzjoni sportiva, għall-mediċina sportiva, għat-taħriġ u sabiex ikunu organizzati kompetizzjonijiet internazzjonali ta’ livell. Waħda minn dawn il-kompetizzjonijiet, il-Logħob tal-FISEC sejra tibda fi ftit ġranet oħra u sejra tuża dawn il-faċilitajiet.

Huwa ta’ sodisfazzjon li nara li l-Università issa qegħda tagħraf il-potenzjal ta’ dan l-investiment u sejra twaqqaf Istitut għall-Isport.

Id-Dedikazzjoni ta’ ħafna sportivi u faċilitajiet sportivi mibnija fuq l-għola standards, bħal din is-sala, jitolbu li jkollna għalliema, coaches, amministraturi u managers professjonali. B’hekk biss niżguraw li kull min qiegħed iħarreġ, jgħallem jew imexxi jittrasmetti l-valuri vera ta’ l-isport.

F’dawn l-aħħar għaxar snin infaqna aktar minn tliet miljun lira fuq il-faċilitajiet sportivi ta’ l-Università. Dan l-investiment minnu nnifsu jixhed it-titjieb fil-livell tal-għixien tal-poplu Malti, poplu li aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar jispira li jkollu infrastruttura u faċilitajiet moderni f’kull qasam.

Il-bini tal-pixxina Nazzjonali disa snin ilu fetaħ il-bibien għal aktar parteċipazzjoni u attivitajiet għall-isport tal-ilma. Jien konvint li l-ftuħ ta’ din is-Sala fil-Kumpless Sportiv tal-Università sejjer isaħħaħ il-ħafna dixxiplini sportivi li jeħtieġu swali bħal dawn għall-attivitajiet tagħhom. Konvint li ser isaħħaħ l-edukazzjoni sportiva fl-Università u jiftaħ il-bibien għall-opportunitajiet ġodda li jagħmlu l-ħajja tal-bniedem aktar interessanti.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow