L-E.T. IL-PROF. GUIDO DE MARCO JAGĦMEL ŻJARA UFFIĊJALI LILL-KUMMISSJONI DWAR IS-SERVIZZ PUBBLIKU
L-E.T. il-Prof. Guido de Marco, President ta' Malta, dalgħodu għamel zjara uffiċjali lill-Kumissjoni dwar is-Servizz Pubbliku fil-Palazz, il-Belt Valletta.
Il-President intlaqa' mic-Chairman tal-Kummissjoni is-Sur Joseph J.M. Curmi, flimkien mas-Segretarju u l-membri tal-Bord tal-Kummissjoni. Wara il-President żar l-uffiċini tal-Kummissjoni, akkumpanjat mis-Sur Curmi, u ltaqa' ma' l-impjegati individwalment.
Fl-indirizz tiegħu lill-membri tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku, il-President qal li ċ-Ċivil, hu u għandu jibqa' s-sinsla ta' l-amministrazzjoni tal-pajjiż. Fil-funzjoni kostituzzjonali tagħha, il-Kummissjoni toffri garanziji għal dan u tassigura wkoll li ċ-Ċivil jaġixxi fi ħdan il-parametri tal-Kostituzzjoni u tal-liġi.
Il-President qal li għalkemm xi drabi ċ-Ċivil jiġi kkritikat, is-soċjeta' tagħraf ukoll l-integrita', l-onesta', is-serjeta' u l-kapaċita' tal-ħaddiema tiegħu.
Il-fatt li l-Kummissjoni hija istituzzjoni indipendenti w imparzjali jserraħ moħħ iċ-ċittadin li d-drittijiet tiegħu huma salvagwardati u li l-membri tal-Kummissjoni mhux se jiġu influenzati waqt il-qadi ta' dmirijiethom. Dan jassigura li l-poplu Malti jkollu fiduċja sħiħa fil-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku.
Il-President de Marco tkellem ukoll fuq il-bidliet li rat tul is-snin il-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku - minn żmien ta' Gvern Kolonjali fl-1939 għal żmien ta' Stat Indipendenti.
Il-President qal li ż-żjara li qed jagħmel lill-Kummissjoni, l-ewwel waħda ta' President, hija ntiża biex tinħoloq rabta bejn l-ogħla awtorita' ta' l-Istat Malti ma' organi kostituzzjonali li huma tant importanti fis-soċjeta' Maltija.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN