DISKORS TA' L-ONOR. EDWIN VASSALLO, SEGRETARJU PARLAMENTARI FIL-MINISTERU GĦAS-SERVIZZI EKONOMIĊI, WAQT WORKSHOP ORGANIZZAT MILL-MALTA HOTELS AND RESTAURANTS ASSOCIATION (MHRA)
Is-settur kummerċjali f'pajjiżna għaddej minn żmien interessanti ta' bidla. Bidla li trid issir biex is-settur kummerċjali tagħna jkun kapaċi jikkompeti u jzid biex hekk ma jitlifx l-abilita' kompetittiva tiegħu.
L-akbar għajnuna li l-Gvern jista' joffri lis-settur imprenditorjali huwa proprju li jara li l-kundizzjonijiet li fihom qed jaħdem dan is-settur ikunu kundizzjonijiet li kapaċi jgħinu u joffru direzzjoni lill-istess settur biex dan jilħaq livell ta' kwalita' kemm jekk fil-manifattura kif ukoll jekk fl-għoti ta' servizz. Illum is-suċċess ta' kull intrapriża huwa garantit kemm-il darba dik l-impriża tagħraf tahdem biex tilhaq u tibqa' ttejjeb il-livell ta' kwalita'.
Kull liġi li qed ngħaddu mill-Parlament, għandha fil-qofol tagħha l-għan li tirregola biex f'dak is-settur partikolari jintlaħaq il-livell ta' kwalita'. Dawn il-liġijiet qegħdin ukoll jgħaddu fl-isfond ta' għan ieħor fondamentali għas-suċċess imprenditorjali li huwa proprju s-simplifikazzjoni ta' proċeduri fil-burokrazija tagħna.
"Simplifikazzjoni fil-proċeduri" tfisser ukoll li kull burokratiku għandu jara li meta jiddeċiedi, jiddeċiedi kif ser jagħmel il-ħajja aktar faċli għal min qiegħed fin-negozju. Wasal iż-żmien li fih l-imprenditur jara l-burokratiku fuq in-naħa tiegħu. Ma nistgħux nibqgħu ngħixu fi żmien fejn l-għaxqa tal-burokratiku tkun li jagħti d-daqqa tal-mannara lil min qiegħed fin-negozju.
Ngħid dan għaliex izjed ma nitkellmu dwar regolamentazzjoni ta' l-iġjene ta' l-ikel u s-saħħa, faċilment naqgħu fit-tentazzjoni li nifhmu li dawn ir-regoli huma piż żejjed.
Jekk inkunu mprendituri, nistgħu narawhom żejda u jekk inkunu burokratiċi narawhom bħala frosta f'idejna biex bihom insawwtu lil min ma jobdix. Jiena persważ li min jifhem sewwa r-responsabbilita' tiegħu skond dmiru u l-pożizzjoni tiegħu, jekk ikun imprenditur m'għandux jara dawn ir-regolamenti bħala żejda, iżda fihom għandu jara direzzjoni li għandha tgħinu jilħaq livell tajjeb ta' kwalita', filwaqt li burokratiku responsabbli għandu jifhem iżjed x'ikun dmiru lejn id-direzzjoni li jrid joffri lill-imprenditur.
Issa li għandna regolamenti ta' kull xorta u għal kull ċirkustanza, kemm-il darba rridu naraw li ma niġux f'ċirkustanzi li nibdew nikkritikaw dawn ir-regoli bħala burokrazija żejda li twassal lejn ineffiċjenza, minflok li naslu lejn effiċjenza rridu naraw li nużaw dawn ir-regoli għall-vantaġġ ta' l-iżvilupp imprenditorjali. Ma nemminx li nkunu burokratiċi tajbin jekk nieħdu r-rwol ta' eżaminaturi li nitgħaxxqu naraw studenti jfallu għaliex l-eżami kien diffiċli żżejjed.
Mis-Segretarjat tiegħi qiegħed nitlob lil kull burokratiku jifhem li filwaqt li jrid jara li l-liġi tkun imħarsa, l-konsumatur imħares u li l-iġene tinżamm, jifhem ukoll li huwa għandu r-rwol ta' edukatur u facilitator. Meta imprenditur ma jifhimx l-għan tal-liġi l-ebda enforcement m'hu ser tfehmu, iżda l-approach responsabbli tal-burokatiku li jkun kapaċi jfiehmu fejn naqas u għaliex għandu jirregola l-attivita' kummerċjali mal-liġi u fejn hemm bżonn l-għajnuna biex dik il-liġi tkun imħarsa, l-burokaratiku għandu jinterferi biex jgħin.
F'din il-laqgħa persważ li hawn lista tajba ta' esperti li se jitkellmu dwar il-ħtieġa u l-importanza ta' dawn ir-regolamenti, konxju ta' dan jiena qiegħed nitkellem dwar l-approach tal-burokratiku ma' l-imprenditur, għaliex nemmen li kull deċiżjoni li ser ikollu jieħu l-burokratiku għandu jeħodha konxju tal-prijorita' ta' simplifikazzjoni ta' proċeduri. L-imprenditur li llum jarma n-negozju tiegħu u jimpjega ħaddiema tiegħu għandu jitqies bħala msieħeb ewlieni tal-Gvern fil-ħolqien ta' l-impjiegi u għalhekk għandu jkun ikkunsidrat bħala suġġett għall-għajnuna u mhux tal-kundanna.
Mid-Diviżjoni għall-Kummerċ ser naraw li ntejjbu kontinwament l-approach li għandna biex inkunu kapaċi iżjed ngħinu lil dan is-settur jiżviluppa. Ser naraw ukoll kif ngħinu lil kull Dipartiment jersaq u jifhem iżjed il-ħtiġijiet tas-settur imprenditorjali. Fin-nisġa burokratika, id-Dipartimenti fi ħdan il-Commerce Division għandhom ikunu l-kelliema għall-interessi tas-settur imprenditorjali.
Dawn il-prijoritajiet li qed nitkellem dwarhom ser ikunu wkoll għalina l-prijorita' fil-ħidma tagħna bħala l-awtorita' li ser toħroġ il-liċenzji ta' għadd ta' negozji li ser ikunu wkoll qed jinnegozjaw l-ikel u jista' jkun bejjiegħa ta' għadd ta' lukandi u restoranti. Ser naraw li nissimplifikaw il-proċess ta' reġistrazzjoni ta' dawk kollha li b'xi mod jaħdmu fis-settur ta' l-ikel u dan biex nagħmlu faċli x-xogħol tad-Dipartiment tas-Saħħa.
Ser naraw ukoll kif nistabbilixxu kriterji ta' kwalifiċi għal kull min jaħdem jew huwa mpjegat ma' negozji li jinnegozjaw l-ikel.
Kif id-Dipartimenti jridu jaħdmu flimkien f'sinerġija biex dawn ir-regolamentazzjonijiet ma jispiċċawx ta' piż fuqhom hekk ukoll bejniethom dawn id-Dipartimenti jridu jaħdmu f'sinerġija biex jaraw kontinwament kif ir-regolamenti jwasslu għall-akkwist tal-kwalita' li minnha jgawdi kulħadd.
Konferenza bħal din nawgura li għandha sservi wkoll għal dan il-għan u bħalha jsiru iżjed 'l quddiem biex kull min b'xi mod huwa responsabbli f'dan il-proċess jara li qed jissimplifika l-proċeduri u jagħmel minn dawn ir-regolamenti direzzjoni u mhux piż. Is-suċċess ta' dawn ir-regoli li jħarsu l-iġene u s-sigurta' fl-ikel jiddependu mhux biss minn kemm u kif ser jiġu nforzati iżda minn kemm ser jirnexxielna nedukaw lill-imprendituri li iżjed ma jħarsu dawn ir-regolamenti iżjed qegħdin jiggarantixxu s-suċċess tan-negozju tagħhom.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN