Left arrow Go Back

ĦIDMA BIEX TIKBER IL-PRODUZZJONI TAL-GĦENEB F'PAJJIŻNA

PR054
Date Icon 18/01/2002


Il-Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd għadu kif waqqaf sotto-kumitat, magħmul minn uffiċjali mill-istess Ministeru u mid-Dipartiment ta' l-Artijiet, rappreżentanti ta' dawk li jipproduċu l-għeneb u l-inbid, u rappreżentanti tal-bdiewa, bl-iskop li jħejji programm ta' żvilupp rurali fis-settur tal-vitikultura bl-iskop li tikber il-produzzjoni tal-għeneb f'pajjiżna.

Wieħed mill-iskopijiet ta' dan il-kumitat hu li jfittex siti li jistgħu jintużaw għat-tkabbir tad-dwieli u li jħajjar aktar bdiewa li jidħlu fil-produzzjoni tal-għeneb.

Dan qed isir peress li hemm lok li l-art li fuqha jistgħu jitkabbru d-dwieli għall-produzzjoni ta' nbid f'pajjiżna tiżdied minn madwar 3,000 tomna li hawn illum għal madwar 9,000 tomna.

Dan qalu l-Ministru għall-Agrikoltura u Sajd Ninu Zammit meta l-lejla kien qed jitkellem f'laqgħa għall-bdiewa fiż-Żebbiegħ, organizzata mill-Kooperattiva Ċentrali tal-Bdiewa.

Hu qal li l-produzzjoni ta' l-inbid f'pajjiżna kibret ħafna f'dawn l-aħħar snin u tjiebet ħafna wkoll il-kwalità. Għalkemm dan l-iżvilupp wassal biex żdiedet il-produzzjoni tal-għeneb f'pajjiżna, għadhom ikunu mpurtati madwar 70 fil-mija tal-għeneb użat għall-għasir. Hu żied li funzjoni oħra ta' l-istess kumitat se tkun li jara x'varjetajiet ta' dwieli għandhom jitkabbru biex b'hekk l-industrija ta' l-inbid f'pajjiżna tkun aktar kompetittiva ma' dik ta' pajjiżi oħra.

Il-Ministru Zammit qal li ħidma ta' din ix-xorta hi parti mill-eżerċizzju ta' ristrutturar li kulħadd jaqbel li jrid isir fil-qasam tal-biedja, apparti jekk Malta tissieħeb jew ma tissiħibx fl-Unjoni Ewropea. Hu qal li d-differenza hi li bil-politika tiegħu, il-Gvern se jgħin lis-settur biex ikun jista' jsir dan ir-ristrutturar tant li diġà ivvota Lm8 miljun fuq perijodu ta' liet snin. Barra minn hekk, bi sħubija fl-Unjoni Ewropea, is-settur tal-biedja f'pajjiżna jibda jikseb ukoll appoġġ tekniku u finanzjarju minn naħa ta' l-istess Unjoni.

Hu semma l-laqgħat li hu stess qed ikollu mar-rappreżenanti tal-bdiewa, ir-raħħala u oħrajn involuti f'dan is-settur bl-iskop li jkun offrut l-aħjar pakkett ta' għajnuna li għandu jwassal biex isir ir-ristrutturar meħtieġ. Hu żied li kulħadd jaqbel li l-protezzjoni tista' toħnoq ir-ristrutturar u anki ġġib magħha staġnar. Barra minhekk, anki kieku Malta ma kellhiex tissieħeb fl-Unjoni Ewropea, il-levies iridu jitneħħew xorta waħda minħabba l-obbligi ta' pajjiżna lejn l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO).

Hu reġa' tenna li t-tneħħija tal-levies se ssir b'mod gradwali u b'mod li twassal li tabilħaqq jibdew jittieħdu dawk l-inizjattivi li jwasslu biex titjieb il-produzzjoni u l-kwalità fis-settur agrikolu. Dan kollu jrid isir fl-interess tas-sostenibbiltà tal-biedja f'pajiżna.

Meta rrefera għall-pubblikazzjoni aktar kmieni din il-ġimgħa tal-pożizzjoni ta' Malta dwar materji orizzontali, organizzazjonijiet dwar suq komuni u l-iżvilupp rurali, kif ukoll il-pożizzjoni dwar il-qasam veterinarju u fitosanitarju, il-Ministru Zammit qal li dawn id-dokumenti huma xhieda ta' l-impenn tal-Gvern li jikseb l-aqwa kundizzjonijiet possibbli għas-settur tal-biedja f'Malta bħala parti mill-proċess tas-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea.

Hu irrifera għal diversi stqarrijiet li qed jinħarġu u għal diskors li sar fil-Parlament din il-ġimgħa mill-Kelliem ta' l-Oppożizzjoni dwar il-biedja u s-sajd, u filwaqt li sostna li l-pożizzjoni li qed tieħu l-Oppożizzjoni tidher li hi mmirata biss biex tbeżża' u tħawwad l-imħuħ, wera' s-sodisfazzjon tiegħu li l-istess Kelliem ta' l-Oppożizzjoni qieghed issa jaċċetta l-fatt li jeżistu benefiċċji u sussidji minn naħa ta' l-Unjoni Ewropea.

Il-Ministru Zammit qal li anki l-bdiewa u r-raħħala qed jifhmu flimkien mal-kumplament tal-poplu Malti, li t-triq li qed jieħu l-Gvern preżenti hi l-aħjar triq għal pajjiżna

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow