JINĦATRU ŻEWĠ IMĦALLFIN ĠODDA
L-E.T. il-Prof. Guido de Marco, President ta' Malta, fuq il-parir tal-Prim Ministru, illum ħatar lil Dr. Joseph Galea Debono B.A., LL.D. u lil Dr. Tonio Mallia LL.D., bħala mħallfin ġodda tal-Qrati Maltin. Il-kariga tagħhom hija b'effett mil-lum stess.
L-E.T. il-Prof. Guido de Marco, President ta' Malta, qal li l-ġudikatura għandha stima kbira; liema stima u rispett jiġu mhux biss minħabba fil-kariga iżda mill-mod kif min jokkupa l-kariga iġib ruħu.
Il-President tkellem fuq il-fatt li ċ-ċittadin jinkwieta ruħu minn ċertu dewmien biex jinqatghu s-sentenzi ta' kawżi li jkunu quddiem il-Qrati Maltin. Hu għalhekk li l-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja qegħda tinsisti li jingħatalha rapport, mingħand il-ġudikanti, u dan skond kif titlob l-istess liġi, ta' dawk il-kawżi li jkunu damu aktar minn ħames snin biex jinqatgħu.
L-iskop ta' dan il-provvediment tal-liġi hu bażat biex jassigura li l-kawżi jiġu deċiżi fi żmien raġonevoli.
L-E.T. il-Prof. Guido de Marco qal li l-ġudikant għandu jkun totalment dedikat għax-xogħol tiegħu. Ir-responsabbilita' ta' Imħallef toħroġ mill-impenn, mis-serjeta' u mid-dedikazzjoni tiegħu għall-kariga li hu qed jokkupa. Fi kliem il-President din hija l-ġebla angolari ta' l-amministrazzjoni tal-ġustizzja.
Preżenti għaċ-ċerimonja, flimkien mal-President u ma' l-Imhallfin il-godda, attendew ukoll il-Prim Ministru, l-Onor. Dr. Eddie Fenech Adami; il-Prim Imħallef Noel V. Arrigo; il-Ministru ta' l-Ġustizzja, Dr. Austin Gatt; l-Avukat Generali Dr. Anthony Borg Barthet, ir-Reġistratur tal-Qrati Charles Micallef, kif ukoll il-familjari ta' Dr. Galea Debono u Dr. Mallia.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN