Left arrow Mur Lura

DISKORS MILL-ONOR. GIOVANNA DEBONO, MINISTRU GHAL GHAWDEX WAQT IL-LAQGHA GENERALI ANNWALI TA" L-ASSOĊJAZZJONI TAT-TURIŻMU GĦAL GĦAWDEX - GĦAJNSIELEM - 18 ta' Jannar 2002

PR047
Date Icon 18/01/2002


Huwa ta' pjaċir għalija li għal sena oħra qed nattendi għal din il-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-Gozo Tourism Association, assoċjazzjoni li matul dawn l-aħħar tlett snin li ilha mwaqqfa ħadmet bis-sħiħ fis-settur turistiku ta' Għawdex.

Kien ta' sodisfazzjon ukoll għalija nisma' r-rapporti dettaljati ta' ħidmet il-Gozo Tourism Association matul din l-aħħar sena li ġiet fi tmiemha permezz ta' din il-laqgħa ta' dalgħodu. Jidher biċ-ċar li iva, għal sena oħra l-GTA kienet impenjata b'serjeta' kbira sabiex lill-qasam turistiku Għawdxi ttih l-importanza li jixraqlu.

Jiena rrid ukoll nifraħ lill-membri li ġew eletti fl-elezzjonijiet li għadhom kemm saru u ninsab fiduċjuża li lkoll kemm intom ser tagħtu dak kollu li tistgħu biex flimkien tkomplu taħdmu biex dan il-pilastru ewlieni ta' mportanza liema bħalu tkomplu tpoġġuh fuq quddiem nett.

Nemmen illi taħdem kemm taħdem, Assoċjazzjoni li tinvolvi ruħha f'qasam mill-iktar vast u mportanti bħal ma hu t-turiżmu dejjem jibqagħlha x'tagħmel u x'ittejjeb. Huma mportanti ferm l-involviment, anzi l-promozzjoni, ta' gżiritna f'fieri barranin. Huma mportanti wkoll laqgħat ta' diskussjoni u seminars. Huma mportanti wkoll l-inizjattivi illi l-GTA ħadet matul is-snin - qed nirreferi b'mod partikolari għall-iscuttling ta' l-m.v. Xlendi, għall-pubblikazzjoni tal-ktieb gwida, għall-istudju dwar ir-realta' tat-turiżmu f'Għawdex. Dawn huma kollha affarijiet ta' min jinkoraġġihom u tieħu gost tisma' dwarhom.

Iżda ċertament il-qasam turistiku jinvolvi iktar ħidma. L-għan ewlieni ta' ħidmietna, aħna lkoll miġbura hawn dalgħodu, huwa wieħed - kif se nħajru iktar turisti iżuru Għawdex u kif se nħajruhom idumu iktar fi gżiritna.

Ma nistax hawnhekk ma ngħidx li mill-1,200,000 turist barrani li jiġu Malta mhux iktar minn nofshom jiġu Għawdex. Minn dawk li jiġu Għawdex, mad­90% tagħhom jżuru 'l Għawdex għal ftit sigħat biss. Hawn impressjoni ġenerali li dawn it­turisti barranin fil­maġġor parti 'l kbira tagħhom jiġu fi gruppi organizzati ma jħallux l-effett pożittiv nixtieq fl-attivita' ekonomika tal-gżira. Iżda din l-impressjoni mhix korretta għal kollox.

Minn informazzjoni li l-Ministeru għal Għawdex jiġbor regolarment mingħand il-Gozo Channel u mingħand il-Gozo Bus Owners Association jirriżulta li mhux wisq iktar minn nofs dawn it-turisti jiġu fi gruppi organizzati. Il-bqija, mal-250,000 fis-sena, jiġu għar-rashom u bla dubju jistgħu jonfqu iktar. Irridu naraw kif dawn nistgħu noffrulhom żjara itwal u isbaħ u fl-istess ħin inħarġuhom jonfqu iktar.

Iżda jibqa' man-nofs miljun turist li jiġu Malta u jibqgħu ma jirfsux Għawdex. Dawn jistgħu jkunu turisti ta' kwalita' li ma togħġobhomx ġita rħisa għal Għawdex. Ejjew flimkien, GTA, Gozo Channel u Ministeru naraw x'inhu l-profil tat­turisti li jiġu Għawdex u ta' dawk li jibqgħu ma jiġux Għawdex. Ejjew flimkien infasslu strateġija biex ngħollu l-kwalita' taż-żjara ta' dawk li jiġu Għawdex u biex inħajru iktar turisti li jkunu Malta biex jigu Għawdex.

Sewwa li nippruvaw inħajru li jiġu direttament Għawdex turisti mill-ibgħad pajjiżi ta' l-Ewropa, iżda fl­istess ħin għandna wkoll nippruvaw inħajru iktar turisti barranin jiġu Għawdex minn Malta, erba' p'ssi 'l bogħod. Irridu turisti li minbarra li jżuruna biex jammiraw il-ġmiel ta' gżiritna, jifilħu jonfqu iktar flus f'akkomodazzjoni, f'servizzi u anke fi prodotti awtentiċi tagħna.

Ħadt gost meta kienet din l-istess Assoċjazzjoni illi fil-ġranet li l-Ministeru għal Għawdex kien qiegħed jospita l-Festival of European Islands' Cultures - festival ipproponut minni stess waqt laqgħa tas-CPMR fl-1999 fl-Isvezja - organizzat seminar li ġie milqugħ tajjeb ħafna, dwar il-mod kif Għawdex għandu jiġi mmarkitjat. Dakinhar ħarġu ħafna punti pożittivi anke dwar x'inhu, jew x'għandu jkun il-pakkett imsejjaħ 'Għawdex'.

Ovvjament, il-Kultura, l-identita' u allura t-Turiżmu Kulturali kienu suġġetti mill-iktar diskussi waqt dik il-laqgħa f'Novembru li għadda. Ġiet konfermata n-neċessita' mhux biss ta' pro-attivita' u kreattivita' f'dak illi wieħed jagħmel b'riżq it-turiżmu f'Għawdex imma wkoll il-kollaborazzjoni bejn il-partijiet kollha interessati.

Dan għaliex fl-aħħar mill-aħħar huwa dmir tagħna lkoll illi lil Għawdex mhux biss nippromwovuh imma ngħinu fir-rijabilitazzjoni tiegħu u fil-preservazzjoni ta' dak kollu li jagħmlu uniku. Għandna ġojjell f'idejna - ejja nieħdu ħsiebu - flimkien.

Huwa b'dan kollu f'moħħna li l-Ministeru tiegħi flimkien mal-Ministeru tat-Turiżmu u anke l-Awtorita' Maltija tat-Turiżmu ħdimna matul dawn l-aħħar xhur sabiex fil-ġimgħat li ġejjin nippreżentaw prodott ġdid b'potenzjal turistiku kbir għal Għawdex - prodott illi minbarra li għandu jservi ta' pakkett turistiku alternattiv, ser jara nvestiment għaqli fl-ambjent ta' madwarna.

Il-proġett ta' Mixjiet fil-Kampanja fil-fatt, minbarra li qed jara l-identifikazzjoni ta' mixjiet fil-kampanja li jistgħu jitgawdew min-nies tal-lokal kif ukoll mill-barranin, se jara r-rijabilitazzjoni ta' dawn iż-żoni ndikati f'mappa li ser noħorġu apposta.

Lit-turist ser noffrulu prodott uniku tagħna b'mod iktar attrajenti, prodott li jieħdu 'l bogħod mill-ħajja mgħaġġla ta' bliet ewropej, prodott li se jirrifletti bl-iktar mod ċar l-immaġni idillika ta' destinazzjoni unika f'nofs il-Mediterran - Għawdex - gżira kwieta u b'kampanja li tgħaxxqek.

Il-proġett tal-Country Walks, l-istess kif kienet l-inizjattiva tal-Festivals of European Islands Cultures huma inizjattivi meħuda mill-Ministeru għal Għawdex sabiex lil Għawdex nippreżentawh b'mod li jixraqlu. Il-Gozo Tourism Association għandha rwol importanti ferm f'dan il-qasam.

Nemmen illi bħala Assoċjazzjoni, il-GTA diġa' uriet x'inhuma l-kapaċitajiet u l-potenzjalitajiet tagħha. Iżda nemmen ukoll illi dejjem jibqa' lok għal iktar titjib u tisħiħ.

J'Alla din is-sena l-ġdida ġġib magħha mhux biss opportunitajiet fejn il-GTA tkun tista' minn jeddha taħdem iktar u tinvolvi ruħha fihom imma wkoll sfidi ġodda li jekk indirizzati kif imiss, Għawdex, jew aħjar il-prodott turistiku t'Għawdex jiġi ppreżentat u mantenut kif meħtieġ.

Jiena nirringrazzjakom ilkoll u mill-ġdid nifirħilkom. Grazzi.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

Aktar Stqarrijiet Right arrow