Left arrow Mur Lura

INVESTIMENT AMBJENTALI GĦALL-ĠENERAZZJONIJIET TAL-FUTUR

PR034
Date Icon 16/01/2002

L-eluf ta' siġar li qed jitħawlu ta' kull sena huma investiment fl-ambjent naturali ta' pajjiżna biex ikun jista' jitgawda mill-ġenerazzjonijiet tal-futur. Hi għal din ir-raġuni li f'okkażjonijiet ta' tħawwil ta' siġar hi importanti l-parteċipazzjoni tat-tfal, għax it-tnejn huma marbuta mal-futur ambjentali ta' pajjiżna.

Dan stqarru l-Ministru għall-Agrikoltura u Sajd Ninu Zammit meta llum ħa sehem f'żewġ attivitajiet ta' tħawwil ta' siġar fl-okkażjoni ta' Jum is-Siġar. L-ewwel attività saret f'Pembroke u kienet organizzata mill-iSchool Arbor Committee, filwaqt li l-attività l-oħra saret fil-Bajja s-Sabiħa f'Birżebbuġa u kienet organizzata mill-fergħa lokali tal-Fondazzjoni Internazzjonali tas-Siġar flimkien mal-Kunsill Lokali ta' Birżebbuġa.

Fiż-żewġ attivitajiet ħadu sehem tfal ta' l-iskola li wkoll ħawlu diversi arbuxelli u siġar, inkluż 250 siġar tal-prinjol fl-attività li saret f'Pembroke u li kienet tinkludi wkoll qari ta' poeżiji, kant u mima.

Il-Ministru Zammit qal li din is-sena taħbat l-14-il sena li pajjiżna qed ifakkar Jum is-Siġar fuq skala nazzjonali u dan bl-iskop li jkompli jitqajjem fost il-poplu l-interess fis-siġar. Hu enfasizza l-importanza tas-siġar u qal li dawn mhux biss jikkontribwixxu għas-sbuħija ta' l-inħawi fejn jikbru, iżda wkoll joffru kenn u abitat lil varjetà kbira ta' ħlejjaq.

Filwaqt li semma li matul is-sena li għaddiet minn naħa tad-Dipartiment tal-Biedja tħawlu madwar 5,000 siġra oħra f'diversi lokalitajiet f'Malta, hu qal li matul din is-sena l-ħidma prinċipali tad-Dipartiment fir-rigward ta' tħawwil ta' siġar se tkun konċentrata l-aktar lejn it-tħawwil ta' siġar flok dawk li naqsu jew mietu f'diversi lokalitajiet, toroq, roudabouts u central strips. Dan l-eżerċizzju diġà beda fl-inħawi tal-Bombi fil-Furjana.

Barra minn hekk, kompla l-Ministru Zammit, il-Ministeru se jkompli jgħin b'kull mezz possibbli, inkluż il-provvista ta' siġar u arbuxelli, lil dawk il-Kunsilli Lokali u għaqdiet mhux governattivi li jieħdu inizjattivi favur it-tħawwil ta' aktar siġar, u se jieħu wkoll sehem attiv fil-proġetti ta' afforestazzjoni, li wħud minnhom mistennija jibdew jitwettqu fil-ġimgħat li ġejjin.

Il-Ministru Zammit semma wkoll l-inizjattivi li qed jittieħdu mill-Gvern biex jissaħħaħ il-ħarsien tas-siġar f'pajjiżna. Hu semma fost l-oħrajn ir-regolamenti ġodda li kienu pubblikati bħal daż-żmien sena, bil-ħsieb li jkunu kontrollati l-attivitajiet li jistgħu jagħmlu ħsara lis-siġar imħarsa, kif ukoll regolamenti oħra li qed jitfasslu min-naħa ta' l-Awtorità ta' l-Ippjanar u li mistennija jkunu pubblikati fi żmien qasir.

Filwaqt li semma li kull Gvern għaraf il-ħtieġa ta' aktar siġar f'pajjiżna, il-Ministru Zammit qal li l-Gvern preżenti għaraf ukoll jimxi maż-żminijiet ta' aktar devoluzzjoni tat-tmexxija tal-pajjiż permezz tat-twaqqif tal-Kunsilli Lokali u li dawn ikunu involuti fiż-żamma tal-ġonna pubbliċi u postijiet ta' rikreazzjoni kif ukoll fit-tħawwil u l-manutenzjoni tas-siġar fil-lokalità tagħhom.

Dan ifisser, kompla l-Ministru Zammit, li qed ikunu ivvotati flus lil kull kunsill biex isebbaħ il-lokalità bil-pjanti u s-siġar u mhux jitwettqu biss proġetti ta' taħwil f'xi nħawi biss. Hu qal li din il-firxa tal-poter qed twassal biex, bl-inizjattiva ta' l-istess kunsilli, jiżdied l-għadd ta' siġar f'kull lokalità filwaqt li anki qed jinħolqu wkoll imsaġar ġodda. Fl-istess waqt hu appella lill-Kunsilli biex iħawlu aktar siġar.

"Il-jum nazzjonali tas-siġar jaħbat fl-ewwel xahar tas-sena, ix-xahar li fih il-kampanja tilbes libsa ħadra sforz il-ħajja mogħtija mix-xita. Dan donnu qed iħajjarna biex nibdew is-sena l-ġdida b'għemil tajjeb u prattiku, u mhux sempliċi wegħda ta' l-ewwel tas-sena. Ejjew inħawlu aktar siġar filwaqt li nibżgħu għal dawk li ħawlu ta' qabilna," temm il-Ministru Zammit.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

Aktar Stqarrijiet Right arrow