DISKORS MILL-ONOR ĊENSU GALEA, MINISTRU GĦAT-TRASPORT U KOMUNIKAZZJONI - KAMRA TAL-KUMMERĊ, VALLETTA. IT-TLIETA, 15 TA' JANNAR, 2002
Sinjuri,
Hu pjaċir tiegħi li llejla ġejt mistieden nintroduċi dan il-kors li ser iwassal għal Diploma fl-Istudji dwar it-Trasport.
Din hija l-ewwel darba li dan il-kors qiegħed isir f'Malta, wara li għal diversi drabi sar kors simili permezz tal-korrispondenza. Għalhekk ta' min ifaħħar l-inizjattiva li ħadet il-Kamra tal-Kummerċ flimkien ma' l-Enterprise Consultancy Services u bil-għajnuna tal-Foundation for Transport Studies u ċ-Chartered Institute of Transport, biex dan il-kors jiġi organizzat hawn Malta.
Jien ċert li dan il-kors ser jgħin biex f'Malta jkollna aktar nies professjonali fit-tmexxija ta' dan is-settur importanti. Meta wieħed jara l-programm ta' studju ta' dan il-kors, malajr jinduna kemm hu vast u allura kemm jeħtieġ ħin u dedikazzjoni mill-istudenti li ser jibdew il-kors il-lejla. Biżżejjed tara s-suġġetti u malajr tinduna kemm kors bħal dan hawn bżonnu biex l-immaniġġjar tat-trasport Malti jsir b'mod xjentifiku u fuq linji professjonali.
F'dawn l-aħħar snin, f'Malta saru passi kbar f'dan il-qasam. Bit-twaqqif tal-Malta Transport Authority, is-settur tat-trasport fuq l-art ġie nkorporat taħt entità waħda. B'hekk ser tikber aktar l-effiċjenza fit-tmexxija u fl-operat tat-trasport. Minbarra t-trasport pubbliku, li kulħadd jaf kemm jeħtieġ li jibda jitmexxa fuq linji aktar professjonali, din l-Awtorità għandha taħt il-kappa tagħha l-ħruġ ta' liċenzji tas-sewqan u l-użu tal-vetturi, l-immaniġġjar tat-traffiku u l-kostruzzjoni tat-toroq. Is-sigurtà fit-toroq tagħna ser tiżdied. L-introduzzjoni tal-VRT qegħda tgħin biex ikollna aktar vetturi tajba fuq it-toroq tagħna waqt li l-introduzzjoni ta' regolamenti ġodda għal-liċenzjar tas-sewqan żgur li ser jagħtu spinta 'l quddiem lis-sigurtà fit-toroq Maltin. Ta' min isemmi ix-xogħol kbir li qiegħed isir biex it-toroq ta' pajjiżna jkunu aħjar. Il-mod kif qed isir l-ippjanar, kif ukoll il-bini mill-ġdid ta' diversi toroq qiegħed jagħti l-frott billi diġà bdejna naraw aktar serjetà fuq dawn it-toroq. Kull sewwieq irid jifhem x'inhuma r-responsabbiltajiet tiegħu, bl-istess mod dawk li jużaw it-toroq bil-mixi għandhom jaraw li huma wkoll josservaw ir-regoli.
Fil-qasam marittimu, fejn ir-registru Malti għandu r-raba' l-akbar flotta merkantili fid-dinja, registrata miegħu, qed nieħdu miżuri fejn tidħol is-sigurtà tal-vapuri, il-protezzjoni ta' l-ambjent u l-aspett soċjali. Minbarra hekk qed nieħdu passi biex insaħħu l-ispettorat tal-vapuri merkantili biex ngħollu l-istandards tagħna u nnaqqsu n-numru ta' vapuri Maltin li jiġu miżmuma f'portijiet barranin. Dan hu pass importanti ħafna biex inkunu nistgħu nibqgħu fuq quddiem fil-qasam merkantili.
Qed naħdmu wkoll fuq riforma fil-portijiet tagħna. Wara studju li sar u li ġie ppreżentat waqt seminar li kien sar apposta, twaqqaf kumitat konsultattiv biex jara li din ir-riforma fil-portijiet tagħna tkun tista' ssir fl-aħjar interess tas-settur u ta' dawk li jaħdmu fih. M'għandi l-ebda dubju li f'Malta, illum, kulħadd jaqbel li din ir-riforma hi meħtieġa. Dan ma jfissirx li m'hemmx differenzi ta' opinjoni dwar il-mod ta' kif din ir-riforma trid isseħħ. Għall-kuntrarju hemm numru ta' differenzi li għandhom jgħinu biex meta r-riforma titwettaq twassal għal l-akbar benefiċċji għall-ħaddiema tas-settur, kif ukoll ta' dawk li jingħataw is-servizzi.
Aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar qed tissaħħaħ fil-portijiet tagħna industrija oħra ferm importanti, jiġifieri dik tal-cruise liners. Minn sena għal sena, qed naraw żieda f'din l-attività u jien persważ li dan jolqot anke lilkom minħabba li t-turiżmu u t-trasport hu wieħed mis-suġġetti li intom tridu tistudjaw. Kif tafu, il-Gvern diġà mbarka fuq proġetti infrastutturali kbar f'dan il-qasam li barra l-kapital enormi li jeħtieġ biex jitlesta, għandu bżonn ukoll ir-riżorsi umani biex wara li jkun lest, ikun hemm min hu ppreparat li jmexxih.
Fil-qasam ta' l-ajru għamilna progress ukoll billi ġejna aċċettati bħala membri fil-Joint Aviation Authority u ġejna ċertifikati Category I mill-Federal Aviation Authority ta' l-Istati Uniti ta' l-Amerika. Qeghdin insaħħu wkoll il-qasam tas-sigurtà billi nimpjegaw esperti li qed jgħinuna nagħmlu spezzjonijiet b'mod regolari fejn tidħol sigurtà fil-mezzi tat-trasport bl-ajru.
Malta ma tistax tibqa' lura f'dan is-settur hekk importanti u aktar u aktar issa, li qed noqorbu lejn id-dħul ta' Malta fl-Unjoni Ewropea, fejn it-trasport hu wieħed mill-aktar setturi importanti. Għandi l-pjaċir ngħid, li wara negozjati twal, il-kapitlu tat-trasport issa huwa magħluq u minbarra li ngħalaq, irnexxielna niksbu erba' perijodi ta' transizzjoni. Dawn kollha jirrigwardjaw it-trasport fuq l-art fuq il-kontinent fejn jeżisti suq tajjeb għall-operaturi Maltin.
Dan kollu jagħmel id-deċizjoni tagħkom li tidħlu għal dan il-kors bħala waħda għaqlija. Kif qed taraw, dan is-settur jista' jespandi ħafna u għalhekk hemm bżonn kbir ta' persuni professjonali u kwalifikati biex jkunu jistgħu jmexxuh 'l quddiem.
Minn qalbi nappellalkom biex taħdmu bis-serjetà f'dawn it-tliet snin li ġejjin u nawguralkom kull suċċess f'din il-ħidma biex għada pitgħada jkollna amministraturi tajbin fit-trasport Malti.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN