L-EWWEL SURVEY NAZZJONALI DWAR IS-SAĦĦA
Stħarriġ li ser isir dwar saħħet il-poplu għandu jipprovdi informazzjoni meħtiega biex il-Gvern jipprovdi servizzi aħjar ta' kura kif ukoll fuq l-evidenza miġbura jippjana politika ta' prevenzjoni aktar effettiva. Hekk il-poplu Malti jkun jista' jgawdi kwalità ta' ħajja aħjar.
Dan qalu Louis Deguara l-Ministru tas-Saħħa, meta kien qiegħed iħabbar l-ewwel National Health Interview Survey (HIS) li ser isir fil-gżejjer Maltin matul it-tmien ġimgħat li ġejjin. Is-survey ser isir mid-Dipartiment ta' l-Informazzjoni dwar is-Saħħa fi ħdan il-Ministeru għas-Saħħa. Matul il-perjodu ta' xahrejn se jiġu intervistati 5,500 individwu minn 16-il sena 'l fuq li ġew magħżula xjentifikament. L-intervisti ser isiru minn nies imħarrġa f'dan ix-xogħol. Bħala preparazzjoni għal dan is-survey diġà sar ieħor preliminari fuq kampjun ta' 300 li serva biex jitħarrġu n-nies, kif ukoll biex tittieħed idea fuq l-oqsma li jittratta s-survey. Fil-fatt saru xi modifiki żgħar.
Dan is-survey qed isir b'kollaborazzjoni ma' l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa u l-"EUROHIS PROJECT" proġett imniedi mill-uffiċju ta' l-istatistika tal-Komunitajiet Ewropej fi ħdan l-Unjoni Ewropea.
L-informazzjoni li ser tinġabar se tkun kompletament ġdida għall-pajjiżna. Id-Dipartiment ta' l-Informazzjoni tas-Saħħa s'issa dejjem kien impenjat biex jiġbor u jipprovdi informazzjoni u statistika dwar imwiet u ċertu tip ta' mard bħall-kanċer, kif ukoll dwar ostetrija, trapjanti, anomaliji kongenitali u servizzi mogħtija fl-isptar. Sallum kull informazzjoni miġbura dejjem ġiet mingħand min juża l-isptarijiet u servizzi pubbliċi. Qatt ma nġabret informazzjoni mingħand dawk li jużaw servizzi tas-saħħa privati u għalhekk l-informazzjoni eżistenti mhix waħda kompluta.
Is-survey li qed jitħabbar illum huwa forma ta' intervista li huwa disinjat biex jaqbez dan l-ostaklu billi jiġbor informazzjoni fuq bażi nazzjonali dwar l-istat ta' saħħa tal-poplu Malti mhux biss mingħand dawk li jużaw is-servizzi tal-Gvern. Filwaqt li s-sistema ta' l-istħarriġ ġie meħud minn dawk magħmula f'pajjiżi oħra, l-indikaturi u l-oqsma għal dan l-istħarriġ ittieħdu mill-Health Vision 2000 u mill-Mental Health Policy.
Il-Ministru kompla li llum il-ġurnata ftit li xejn teżisti informazzjoni dwar l-istadji inizjali fl-evoluzzjoni tal-mard. Għalhekk l-iskop hu li mis-survey toħroġ informazzjoni komprensiva dwar l-oriġini u prevalenza tal-mard u dwar x'jistgħu kienu l-kawżi li kkaġunaw il-mard, inkluz aspetti soċjali. Din l-informazzjoni hi imprezzabbli għal min ikun qiegħed ifassal il-policies fil-qasam tas-saħħa, speċjalment fejn tidħol il-kura ta' prevenzjoni. Din l-informazzjoni hija bżonjuża wkoll biex isiru studji komparattivi ma' pajjiżi oħra fejn saru stħarriġ simili.
Ir-riżultati ta' dan l-istħarriġ ikunu ppublikati aktar tard din is-sena. Dawn għandhom jitfgħu dawl fuq l-okkorrenza ta' ċertu mard u dak li jikkawżah kif ukoll fuq l-istil ta' ħajja tal-poplu Malti.
Il-Ministru temm billi appella għall-koperazzjoni ta' dawk l-individwi li ġew magħżula biex jieħdu sehem fl-istħarriġ. Fl-istess ħin il-koperazzjoni tal-pubbliku tkun qed tirrikonoxxi l-ħidma u l-impenn li d-Dipartiment ta' l-Informazzjoni dwar is-Saħħa qiegħed jinvesti f' dan il-proġett li se jkun ta' benefiċċju għall-poplu kollu.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN