PUNTI MID-DISKORS TAL-GĦELUQ MILL-ONOR. NINU ZAMMIT, MINISTRU GHALL-AGRIKOLTURA U SAJD, F'SEMINAR DWAR IL-BIEDJA ORGANIKA ORGANIZZAT MILL-MOVIMENT MALTI GĦALL-BIEDJA ORGANIKA (MOAM) - F'ST JAMES CAVALIER, VALLETTA
1. Il-benefiċċji mill-biedja organika: prodotti mkabbra b'mod organiku huma ferm aħjar għas-saħħa tal-bniedem peress li ma jkunx fihom traċċi kimiċi li jistgħu jkunu ta' ħsara għas-saħħa. Il-biedja organika tħares l-ambjent għaliex ma tħallix effetti negattivi fuq in-natura, il-ħamrija u r-riserva ta' l-ilma taħt l-art. Għaldaqstant, dak kollu li jista' jwassal biex iħares l-ambjent u s-saħħa u jtejjeb il-kwalità tas-saħħa jsib l-appoġġ sħiħ tal-Ministeru għall-Agrikoltura. Madankollu, kulħadd irid jikkunsidra u jifhem id-diffikultajiet kbar li jeżistu f'dan il-qasam.
2. Il-limitazzjonijiet lokali: Hu minnu li l-biedja organika qed tikber bil-mod il-mod f'diversi pajjiżi b'mod partikolari fl-Unjoni Ewropea. Madankollu jirrikonoxxu d-diffikultajiet kbar li jeżistu u li, fil-każ ta' pajjiżna, huma aktar iebsa kemm minħabba ċ-ċokon tal-pajjiż u, b'mod partikolari, anki minħabba l-klima li għandna. Il-klima tagħna tagħmilha ferm aktar diffiċli biex ikunu ikkontrollati l-mard u l-insetti fil-biedja mingħajr l-użu tal-pestiċidi. Dan, flimkien ma' restrizzjonijiet fl-użu ta' fertilizzanti artifiċjali, iwassal għal tnaqqis qawwi fil-produzzjoni, ferm aktar mit-tnaqqis ta' 30 fil-mija reġistrat f'pajjiżi bi klima favorevoli aktar minn tagħna. Għaldaqstant, ikel lokali mkabbar b'mod organiku jkollu bilfors jinbiegħ bi prezzijiet ogħla biex din il-produzzjoni tkun ekonomikament vijabbli. Il-produzzjoni allura trid tkun marbuta ma' domanda suffiċjenti minn konsumatur li lest iħallas aktar għal prodotti ta' kwalità aħjar. Diffikultà oħra hi ċ-ċokon tal-pajjiż li jagħmilha ferm diffiċli li jkun assigurat li prodotti li jkunu qed jitkabbru b'mod organiku ma jkunux kontaminati minn kimiċi użati f'raba' fil-qrib.
3. Perjodu ta' bidla: Regolamenti internazzjonali dwar il-biedja organika, inklużi dawk ta' l-Unjoni Ewropea, jirrikjedu li biex xi ħadd jibdel ir-raba' tiegħu minn biedja konvenzjonali għal dik organika, irid jagħmel perjodu ta' sentejn li fihom juża l-metodi kollha organiċi, iżda l-prodotti li jipproduċi xorta waħda ma jikkwalifikawx bħala organiċi. Dan il-perjodu hu meħtieġ biex ikun assigurat li l-art tkun tnaddfet minn kull traċċa ta' kimiċi, kemm jekk minn użu ta' bexx kif ukoll minn fertilizzanti artifiċjali.
4. Il-biedja organika u l-Unjoni Ewropea: Il-biedja organika fl-Unjoni Ewropea hi kontrollata permezz tad-Direttiva 2092/92, li tipprovdi r-regolamenti li jikkonċernaw il-mezzi li jistgħu jintużaw fil-biedja organika, il-mod kif dawn ir-regolamenti għandhom ikunu segwiti, il-labelling tal-prodotti organiċi u materji oħra relatati. Fin-negozjati tagħha mal-Kummissjoni Ewropea, Malta m'hi qed tagħmel l-ebda talbiet speċifiċi dwar il-biedja organika, li jfisser li la darba nissieħbu, id-Direttiva 2092/92 issir direttament applikabbli għal pajjiżna. Dan iwassal:
(a) għat-twaqqif ta' sistema ta' spezzjonar li għaliha jkun soġġett kull min jipproduċi b'mod organiku. Din is-sistema tkun tista' tiġi mħaddma minn korpi approvati li diġà qed joperaw f'dan il-qasam f'pajjiżi oħra membri ta' l-Unjoni;
(b) il-ħolqien ta' makkinarju amministrattiv li jkun jista' jirċievi u jipproċessa applikazzjonijiet mingħand dawk li jkunu jridu jipproduċu jew jimpurtaw prodotti organiċi u jiċċekkja l-labelling tal-prodotti, kemm jekk imkabbra lokalment kif ukoll jekk impurtati;
(c) superviżjoni ta' l-attivitajiet li jsiru minn dawk li jipproduċu jew jimpurtaw prodotti organiċi;
(d) żamma ta' rekords aġġornati ta' l-operazzjonijiet kollha li jsiru lokalment fil-qasam organiku.
5. Objettivi: Il-mira ta' dan il-Ministeru hi li jkun f'pożizzjoni li jilqa' għal dawn il-ħtiġiet. Diġà fi ħdan id-Dipartiment ta' l-Agrikoltura jeżisti Uffiċjal responsabbli mill-qasam organiku li anki qed jagħti pariri tekniċi lil xi produtturi u individwi oħra li huma interessati li jkabbru b'mod organiku b'mod partikolari dawk li jkabbru fis-serer fejn allura l-ambjent hu aktar kontrollat. Kull min hu interessat jista' jikseb dan is-servizz mingħand it-Taqsima ta' l-Extension Service fir-Rabat. Qed tkun ukoll mistħarrġa l-possibbiltà li jsir ftehim ma' korp awtorizzat għall-ispezzjonar u li diġà qed jopera fl-Ewropa. Il-Gvern diġà qed u se jkompli jgħin finanzjarjament lil dawk il-produtturi li qed jużaw mezzi naturali (kontrolli bioloġiċi) flok pestiċidi, magħrufa aħjar bħala integrated pest management.
Lest ukoll jgħin inizjattivi li tabilħaqq iwasslu għal produzzjoni organika vera kif ukoll inizjattivi bħal dawk meħuda minn organizzazjonijiet bħal ma hu l-Moviment Malti għall-Biedja Organika biex ikabbru kuxjenza favur il-biedja organika. Tajjeb li jissemma wkoll li diġà, is-sena li għaddiet, saret liġi ġdida biex ikun kontrollat aħjar l-użu tal-pestiċidi. Barra minn hekk, fl-Għammieri saru b'suċċess esperimenti ta' sterilizzar tal-ħamrija permezz tas-sħana tax-xemx (solarisation) flok l-użu tal-gass, filwaqt li fl-Għammieri wkoll għadha kif inbniet serra apposta biex tkun tista' tintuża għat-tagħlim tal-proċess tal-biedja organika lill-istudenti tal-Kulleġġ ta' l-Agrikoltura.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN