Left arrow Mur Lura

DISKORS TA' L-ONOR. GIOVANNA DEBONO, MINISTRU GĦAL GĦAWDEX, WAQT IL-LAQGĦA TA' INFORMAZZJONI DWAR IL-PROGRAMM CRAFT...IL-ĠIMGĦA, 4 TA' JANNAR 2002

PR010
Date Icon 07/01/2002

Huwa ta' pjaċir għalija li nilqagħkom hawn illum għal din il-laqgħa ta' informazzjoni dwar il-programm CRAFT, programm fi ħdan il-Fifth Framework Programme li diġà kellna okkażjoni nitkellmu dwaru f'laqgħa oħra matul is-sena li għaddiet.

Il-programm CRAFT huwa wieħed minn sensiela ta' programmi li saru aċċessibbli għall-poplu Malti permezz ta' l-applikazzjoni ta' pajjiżna għal sħubija sħiħa fl-Unjoni Ewropea. Huwa programm fost sensiela ta' programmi oħrajn fi ħdan il-Fifth Framework Programme li joffri opportunita' unika ta' għajnuna għal riċerka u żvilupp teknoloġiku fil-pajjiżi ta' l-Unjoni Ewropea, flimkien ma' dawk fil-proċess ta' sħubija.

Għaliex permezz ta' dan il-programm, l-Unjoni Ewropea qed tgħin l-elementi ta' riċerka u innovazzjoni fil-kontinent Ewropew, CRAFT għandu rwol importanti ferm fl-għajnuna lill-pajjiżi Ewropej biex jinvestu aktar u b'mod aktar effettiv f'diversi temi ta' importanza ċentrali fosthom il-kwalità tal-ħajja, l-ambjent, l-agrikoltura, l-informatika, il-kummerċ elettroniku, l-ekonomija, l-enerġija - speċjalment enerġija nadifa, l-iżvilupp sostenibbli, il-wirt kulturali, it-trasport u l-intrapriżi żgħar u medji. Din ta' l-aħħar, ċertament tiġbed l-attenzjoni tagħkom ilkoll.

Kif se jiġi spjegat iktar tard, il-firxa ta' azzjoni li taqa' taħt dan il-programm tilqa' fiha ħafna minn dak li jolqotna b'mod dirett. CRAFT jgħin lil gruppi ta' mill-inqas tlett SMEs bi ftit jew ebda faċilitajiet ta' riċerka - kif inhi fil-fatt il-maġġoranza tar-realtà fi ġżiritna - sabiex jindirizzaw problemi komuni ta' teknoloġija, permezz ta' kollaborazzjoni fir-riċerka, jew billi flimkien jagħtu subcontracting ta' riċerka lil third parties, bħal ma huma Universitajiet jew Ċentri ta' Riċerka. Dan bil-għan finali li, permezz ta' mezzi u modi innovattivi, tkompli titjieb il-kwalità u l-livell ta' għixien ta' Għawdex u l-Għawdxin.

Fl-aħħar mill-aħħar l-innovazzjoni hija element mill-iktar importanti sabiex industriji ta' daqs żgħar u medji jibqgħu kompetittivi filwaqt li jkomplu jiżviluppaw b'mod soċjali u ekonomiku u fl-istess ħin joħolqu iktar impjiegi. L-għan ewlieni wara l-programm CRAFT huwa li jippromwovi l-innovazzjoni, li jinkludu fost l-oħrajn il-ħolqien ta' kumpaniji jew ażjendi ġodda u l-iffaċilitar tad-disseminazzjoni u l-użu tar-riżultati ta' studji ta' riċerka.

Kienet għalhekk deċiżjoni tajba ferm li ħadu l-Gozo Business Chamber, il-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija flimkien mal-Kunsill Malti għall-Artiġġjanat, illi għaliex jifhmu l-importanza ta' dan il-programm għall-iżvilupp ta' Għawdex, ħadu r-responsabbiltà li jiġi organizzat dan is-seminar ta' llejla.

Minbarra li jkompli jikber l-għarfien dwar il-programm CRAFT b'mod partikolari, tingħata gwida prattika dwar kif wieħed jista' jieħu sehem u jibbenefika minn dan il-programm.

Jiena nittama li jkunu mhux ftit il-kumpaniji, intrapriżi u organizzazzjonijiet mhux Governattivi Għawdxin li jagħżlu li jibbenefikaw mill-opportunitajiet li qed joffri CRAFT. Dan għaliex il-ġid li lkoll kemm intom tistgħu tibbenefikaw minnu b'mod dirett u Għawdex in ġenerali b'mod indirett, huwa kbir immens.

Għawdex jista' jibbenefika minn dan il-programm għaliex propju permezz tar-riċerka, innovazzjoni u żvilupp, jimxi lejn standards dejjem għola u b'ħarsa lejn dawk l-oqsma fejn neħtieġu strateġiji innovattivi.

Ippermettuli fl-aħħarnett, nirringrazzja lil dawk kollha li taw is-sehem tagħhom biex jiġi organizzat dan is-seminar u lilkom ilkoll li aċċettajtu din l-istedina sabiex tipparteċipaw f'laqgħa li tista' tissarraf f'riżultati kbar.

Jiena nawgura li din il-laqgħa sservi biex kull min huwa preżenti jifhem dejjem aktar il-potenzjal ta' dan il-programm u l-utilita' tiegħu għar-realtajiet li niffaċċjaw fil-gżira tagħna. Dan huwa programm li qed iħeġġiġna u jipprovdilna l-opportunità biex intejbu dak li diġà għandna, noħolqu l-ġdid fejn hemm in-nuqqas u nkunu sostenibbli f'dak kollu li nagħmlu. Hekk, aħna nkomplu ntejbu l-attivita' ekonomika u l-kwalità tal-għixien tal-poplu tagħna.

Grazzi.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

Aktar Stqarrijiet Right arrow