JITKOMPLA X-XOGĦOL FUQ IT-TRIQ TA' MARSALFORN
It-triq għal Marsalforn, li mill-Kunvent tal-Kappuċini (Victoria) twassal sad-daħla prinċipali tal-villaġġ reġgħet ġiet magħluqa għat-traffiku b'mod temporanju, kif jindikaw tabelli mwaħħla sabiex ikun jista' jsir it-twettieq ta' l-aħħar fażi fil-kostruzzjoni u t-tiswija ta' din it-triq prinċipali.
Dan wara li matul dan l-istaġun ta' festi li għadu kemm għadda din it-triq reġgħet infetħet b'mod temporanju sabiex jitnaqqas bl-iktar mod possibbli l-inkonvenjent li jista' jinħoloq lil ristoranti u stabbilimenti oħra f'Marsalforn. Issa, din it-triq reġgħet ingħalqet illum sabiex jitkompla x-xogħol fiha. Sadanittant, sewwieqa li jridu jinżlu Marsalforn għandhom jagħżlu li jgħaddu jew mir-raħal taż-Żebbuġ inkella mix-Xagħra.
Din it-triq kienet fi stat ħażin ħafna; speċjalment il-parti min-naħa t'isfel tal-Kunvent tal-Kapuċċini sa ħdejn il-pompa ta' l-ilma anke għaliex kienet mibnija fuq art mhux tajba - art taflija. Għalhekk ix-xogħol fuqha jinvolvi spejjeż kbar. S'issa ġie mgħoddi rising main ġdid li jtella' d-drenaġġ miż-żona ta' Marsalforn lejn il-Belt Victoria, biex b'hekk is-servizzi kollha neċessarji jkunu mgħoddija kif meħtieġ u twettqet it-tieni fażi tax-xogħlijiet li kienet tikkonsisti fit-tqaxxir ta' l-art taflija sabiex tkun tista' tingħata cement base illi ssaħħaħ il-fondazzjonijiet ta' din it-triq. Din il-base tiżgura li t-triq ma tkunx waħda magħmula għal ħsieb short term imma pjuttost investiment sħiħ fl-infrastruttura fiżika ta' Għawdex.
Hekk, meta tingħata t-tarmac it-triq ta' Marsalforn ukoll ikollha bażi tajba u tkun tiflaħ għall-volum kbir ta' traffiku li jgħaddi minnha. Din it-triq ser tiswa madwar Lm90,000.
Għalkemm it-twettieq ta' xogħlijiet f'din it-triq u fiż-żewġ toroq l-oħra huma mistennija joħolqu xi ftit ta' inkonvenjent lil sewwieqa li normalment jużaw dawn it-toroq prinċipali biex jidħlu jew joħorġu mir-raħal tagħhom, il-Ministeru għal Għawdex jemmen bis-sħiħ li xogħlijiet simili huma ta' prijorità fit-tisħiħ ta' l-infrastruttura tal-gżira t'Għawdex.
"Bl-istess nefqa għal dawn it-toroq kien ikun faċli iktar li l-Ministeru għal Għawdex iwettaq xogħol ħafif ta' tqaxxir u għoti mill-ġdid ta' tarmac f'ħafna iktar toroq madwar il-gżira. Iżda għaliex nemmnu li x-xogħlijiet iridu jsiru b'serjetà u kif għandhom ikunu allura indirizzajna l-ħtiġijiet propji ta' dawn it-toroq imsemmija u minflok ma għamilna xogħol li jdum biss għal ftit snin qed inwettqu ħidma konkreta u kif għandha tkun, liema riżultat se nibqgħu ngawduh tul is-snin" stqarret l-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex.
Bħalissa f'Għawdex għaddej xogħol ieħor intensiv f'żewġ toroq oħra prinċipali - Triq ta' Xħajma n-Nadur u t-triq li tgħaqqad lir-raħal ta' l-Għasri maż-Żebbuġ. L-ispiża sabiex dawn it-tlett toroq, li kienu fi stat ħażin ħafna, jiġu rranġati se tlaħħaq it-Lm300,000.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN