ID-DIPARTIMENT TAL-VAT ĦEJJA ARRANĠAMENTI GĦAR-REFUNDS
Fid-Diskors tal-Budget għas-sena 2002, il-Ministru tal-Finanzi ħabbar numru ta’ miżuri li huma maħsuba sabiex ikomplu jsaħħu l-iżvilupp ta’ negozji żgħar kif ukoll ta’ dawk li jaħdmu għal rashom, is-self employed. Fost dawn il-miżuri, il-Ministru kien ħabbar li, fil-każ ta’ dawk in-negozji żgħar u self-employed li jħaddmu medja ta’ ħamsa (5) min-nies u li t-turn over tagħhom ma teċċedix il-Lm100 elf, dawn se jibdew jieħdu l-ħlas lura tal-VAT (VAT refunds) fi żmien tletin (30) jum mid-data tad-dikjarazzjoni tagħhom, sakemm din tintbagħat fil-ħin.
Il-Ministeru tal-Finanzi issa jixtieq jinforma lill-pubbliku li d-Dipartiment tal-VAT ħejja l-arranġamenti meħtieġa sabiex din il-miżura tkun tista’ titwettaq mingħajr dewmien. Għalhekk:
- dawk il-persuni reġistrati li jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ din l-iskema u li d-data ta’ l-għeluq tal-perjodu tad-dikjarazzjoni tagħhom hija l-31 ta’ Jannar, 2002, u li għalhekk din d-dikjarazzjoni għandha tintbaghat sal-15 ta’ Marzu, 2002, ser jirċievu l-ħlas lura tal-VAT, fejn dan hu dovut, sal-15 ta’ April, 2002. Dan jibqa’ jsir mal-persuni reġistrati l-oħra xahar wara xahar, skond il-każ;
- sabiex jiddetermina liema negozji żgħar u self-employed għandhom jibbenefikaw taħt din l-iskema, din id-darba d-Dipartiment tal-VAT se jikkunsidra n-numru ta’ impjegati ddikjarat meta saret ir-reġistrazzjoni għall-VAT. Fl-istess ħin iżda, id-Dipartiment qed jieħu l-passi meħtieġa sabiex it-tax payers relevanti jkunu jistgħu jaġġornaw l-informazzjoni eżistenti. Din l-informazzjoni mbagħad tiġi verifikata mal-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ (ETC). Dawk it-taxpayers l-oħra li jaħsbu li saru intitolati li jibbenefikaw taħt din l-iskema għandhom jinfurmaw lid-Dipartiment u jibagħtu l-informazzjoni meħtieġa;
- sabiex jiddetermina t-turn over ta’ dawk li għandhom jibbenefikaw, id-Dipartiment tal-VAT għal din is-sena se jikkunsidra l-valur tal-bejgħ irrapurtat għall-perjodu 1 ta’ Diċembru 2000 – 30 ta’ Novembru, 2001.
Dawn l-arranġamenti juru l-impenn tal-Gvern kemm sabiex jitwettqu l-miżuri mħabbra fid-Diskors tal-Budget mill-aktar fis possibbli, kif ukoll sabiex ikompli jsostni l-iżvilupp tan-negozji ż-żgħar u tas-self employed.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN