Left arrow Mur Lura

JIBDEW IT-TAĦDITIET DWAR IL-PROĠETT 'CONNECTIONS'

pr1947
Date Icon 27/12/2001

Fil-Ministeru għall-Ambjent bdew it-taħditiet bejn il-Gvern u konsorzju Renaissance, magħżul biex iwettaq il-proġett 'Connections'.

Qabel ma saret preżentazzjoni mill-Perit Dr. Edwin Mintoff, il-Ministru għall-Ambjent Francis Zammit Dimech għamel diskors ta' introduzzjoni għall-proġett fejn ħeġġeġ li l-ħidma għat-twettiq tal-proġett issir bil-għaqal ħalli ma jinħela ebda żmien prezzjuz u biex dan il-proġett hekk importanti jibda u jintemm fl-iqsar żmien possibbli. Il-Ministru Zammit Dimech fakkar ukoll li issa li bdew jitwettqu l-proġetti tal-Kottonera u ta' Manoel Island u l-Ponta ta' Tigne', u se jibda jitwettaq il-proġett tal-Cruise Passenger Terminal, il-proġett 'Connections' jieħu importanza ewlenija billi se jipprovdi trasport bil-baħar bejn it-tliet proġetti u proġetti oħra li huma maħsuba li jitwettqu fil-Forti Ricasoli u fil-Forti Sant'Jiermu.

Wara l-preżentazzjoni mill-konsorzju Renaissance kien miftiehem li mill-ġimgħa d-dieħla jibdew taħditiet bejn Negotiating Team, li se jirrapreżenta lill-Gvern, u l-konsorzju Renaissance.

Il-proġett 'Connections' hu maħsub li jipprovdi trasport bil-baħar bejn il-port ta' Marsamxett u l-Port il-Kbir b'mini minn taħt il-belt Valletta, li jaqdu ż-żewġ portijiet. Parti mill-proġett hu l-bini ta' terminal għal-laneċ taħt Misraħ San Ġorġ faċċata tal-Palazz. Dan it-terminal se jkun taħt il-livell tal-misraħ u fil-livell tal-baħar. It-terminal se jinkludi post għall-parkeġġ taħt l-art, bl-iskop li f'Misraħ San Ġorġ ma jsirx aktar 'parking', u bini ta' mħażen biex iservu għall-magażinaġġ ta' merkanzija għal negozji fil-kapitali. Il-laneċ mit-terminal jaslu lejn il-Port il-Kbir u l-Port ta' Marsamxett permezz ta' mini fil-livell tal-baħar.

Il-Konsorzju Renaissance qed jipproponi sistema ta' trasport bil-baħar b'waqfiet fl-Isla, Bormla, l-Birgu, Sant'Anġlu u Forti Ricasoli fuq in-naħa tal-Kottonera u b'waqfiet f'Tigne', tas-Sliema u Manoel Island fuq in-naħa ta' Marsamxett.

Parti oħra mill-proġett hi l-bini ta' lifts biex hekk ikun hemm ukoll trasport vertikali lejn iċ-ċentru tal-Belt u passiġġieri fil-livell tax-xatt jitwasslu f'nofs il-Belt mingħajr ma jkollhom jimxu. Permezz ta' dawn il-lifts bejn iċ-ċentru tal-Belt u x-xatt mistennija titnaqqas il-konġestjoni tat-traffiku u l-problemi tal-parkeġġ filwaqt li jingħata kontribut siewi għar-riġenerazzjoni tal-Kottonera.

Dan hu proġett ieħor li l-Gvern preżenti wiegħed li se jwettaq fil-Programm Elettorali. Dan il-proġett se jerġa' jintroduċi t-trasport bil-laneċ bejn l-aktar żewġ ċentri popolati tal-pajjiż u l-belt Valletta.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

Aktar Stqarrijiet Right arrow