Left arrow Mur Lura

IT-TRIQ TA' MARSALFORN MIFTUĦA GĦAL DAWN IL-JIEM

pr1941
Date Icon 26/12/2001

Bħalissa f'Għawdex għaddej xogħol intensiv fi tlett toroq prinċipali li jgħaqqdu xi rħula ma' xulxin, fosthom it-triq li tagħti mill-Belt Victoria għal Marsalforn, Triq ta' Xħajma n-Nadur u t-triq li tgħaqqad lir-raħal ta' l-Għasri maż-Żebbuġ. L-ispiża sabiex dawn it-tlett toroq, li kienu fi stat ħażin ħafna, jiġu rranġati se tlaħħaq it-Lm300,000.

It-triq għal Marsalforn, li mill-Kunvent tal-Kappuċini (Victoria) twassal sad-daħla prinċipali tal-villaġġ bħalissa tinsab miftuħa għat-traffiku b'mod temporanju, kif jindikaw tabelli mwaħħla fil-post. Dan sabiex matul dan l-istaġun ta' festi jitnaqqas bl-iktar mod possibbli l-inkonvenjent li jista' jinħoloq lil ristoranti u stabbilimenti oħra f'Marsalforn. Din it-triq terġa' tingħalaq iktar tard f'Jannar sabiex jitkompla x-xogħol fiha. Sa dan it-tant, sewwieqa li jagħżlu li jgħaddu minn din it-triq huma mwissija biex isuqu b'iktar attenzjoni peress li t-triq għadha fi stat ta' kostruzzjoni.

Din it-triq, l-iktar li hi ffrekwentata matul ix-xhur tas-sajf peress li Marsalforn huwa l-villaġġ tal-villeġġjatura għal ħafna Maltin u Għawdxin, kienet fi stat ħażin ħafna speċjalment il-parti min-naħa t'isfel tal-Kapuċċini sa ħdejn il-pompa ta' l-ilma. Hija triq li hi mibnija fuq art mhux tajba - art taflija - u għalhekk ix-xogħol fuqha jinvolvi spejjeż kbar.

Qabel ma jibda x-xogħol ta' tarmac, il-fażi preliminari kienet tikkonsisti f'konsultazzjonijiet ma' diversi dipartimenti sabiex jiġi żgurat li servizzi bħal drenaġġ, dawl, ilma u oħrajn bħal tal-Melita Cable u Maltacom jkunu mgħoddija kollha, biex jiġi evitat it-tħaffir ta' trinek oħra fis-snin immedjati. Fil-fatt, ġie aċċertat li dawn is-servizzi msemmija kienu mgħoddija kollha minbarra dawk konnessi mad-drenaġġ. Għalhekk, ġie mgħoddi rising main ġdid li jtella' d-drenaġġ miż-żona ta' Marsalforn lejn il-Belt Victoria.

Bejn din l-ewwel fażi u t-tkomplija tal-proġett it-triq reġgħet infetħet għall-użu sabiex ma ttellifx b'xi mod lill-istabbilimenti turistiċi ta' Marsalforn. It-tieni fażi imbagħad kienet tikkonsisti fit-tqaxxir ta' l-art taflija sabiex tkun tista' tingħata cement base illi ssaħħaħ il-fondazzjonijiet ta' din it-triq. Din il-base tiżgura li t-triq ma tkunx waħda magħmula għal ħsieb short term imma pjuttost investiment sħiħ fl-infrastruttura fiżika ta' Għawdex. Hekk, meta jingħata t-tarmac it-triq ta' Marsalforn ukoll ikollha bażi tajba u tkun tiflaħ għall-volum kbir ta' traffiku li jgħaddi minnha.

Din it-triq ser tiswa madwar Lm90,000. Wara dawn il-jiem ta' festi din it-triq mistennija terġa' tingħalaq mill-ġdid sabiex issir l-aħħar fażi ta' finalizzazzjoni f'Jannar. Sewwieqa għal Marsalforn ikunu jistgħu jagħżlu li jgħaddu jew mix-Xagħra inkella miż-Żebbuġ.

Għalkemm it-twettieq ta' xogħlijiet f'din it-triq u fiż-żewġ toroq l-oħra huma mistennija joħolqu xi ftit ta' inkonvenjent lil sewwieqa li normalment jużaw dawn it-toroq prinċipali biex jidħlu jew joħorġu mir-raħal tagħhom, il-Ministeru għal Għawdex jemmen bis-sħiħ li dawn it-tlett toroq imsemmija huma ta' prijorità fit-tisħiħ ta' l-infrastruttura tal-gżira t'Għawdex.

"Bl-istess nefqa għal dawn it-toroq kien ikun faċli iktar li l-Ministeru għal Għawdex iwettaq xogħol ħafif ta' tqaxxir u għoti mill-ġdid ta' tarmac f'ħafna iktar toroq madwar il-gżira. Iżda għaliex nemmnu li x-xogħlijiet iridu jsiru b'serjetà u kif għandhom ikunu allura indirizzajna l-ħtiġijiet propji ta' dawn it-toroq imsemmija u minflok ma għamilna xogħol li jdum biss għal ftit snin qed inwettqu ħidma konkreta u kif għandha tkun, liema riżultat se nibqgħu ngawduh tul is-snin" stqarret l-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

Aktar Stqarrijiet Right arrow