PROĊEDURI GĦAT-TALBIET GĦALL-BENEFIĊĊJU GĦAL WAQT IL-MARD
Id-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali jixtieq javża lill-membri tal-pubbliku li minn nhar it-Tlieta, 18 ta' Diċembru 2001, talbiet għall-Benefiċċju għal waqt il-Mard ser ikunu jistgħu jsiru fl-Uffiċċji Distrettwali tad-Dipartiment fil-belt jew raħal tagħhom.
Il-pubbliku huwa għalhekk avżat li minflok iċ-ċertifikat mediku li kien qed jagħmel fil-Polyclinics jew Bereġ tad-Dipartiment tas-Saħħa għand Tobba tal-Gvern, issa ser jkun jista' jagħmel rapport tal-mard fl-Uffiċċju Distrettwali.
Persuna li tmur fl-Uffiċċju Distrettwali biex tagħmel rapport għan-nom tagħha jew għan-nom ta' xi persuna oħra għandha tieħu l-karta ta' l-identità, flimkien mal-Biljett tas-Sigurtà Soċjali tal-persuna li dwarha qed issir it-talba għall-Benefiċċju. Fejn il-marid ikun impjegat iridu jingħataw dettalji dwar l-impieg tiegħu.
Dan ir-rapport għandu jsir ukoll minn persuna li kawża ta' mard ma tkunx tista' tirreġistra għax-xogħol fid-data tar-reġistrazzjoni.
Rapport dwar mard għandu, kemm il-darba l-mard jieħu fit-tul, isir kull ġimgħa.
Il-pubbliku hu mgħarraf li rapport jista' jsir biss bejn it-tmienja u l-għaxra ta' filgħodu fl-istess ġurnata li fiha jkun beda l-mard. Persuna impjegata għandha bħal ma kienet tagħmel qabel, tavża dak in-nhar stess lil minn iħaddimha li ma tistax tattendi għax-xogħol minħabba mard.
F'każ ta' talbiet għal Korriment wara li l-formola tas-soltu (NI 30) tkun imtliet minn min iħaddem, jew mill-persuna li taħdem għaliha nnifisha, trid titħalla mimlija, mingħajr il-parti medika fl-Uffiċċju Distrettwali.
Għal aktar informazzjoni u għajnuna, il-publiku huwa mistieden illi jcempel lill-Uffiċċju Distrettwali l-aktar vicin tiegħu.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN