MIŻURI BIEX TITNAQQAS IL-PROBLEMA TAL-PARKING
Meta zar il-parkegg f'Pender Place f'San Giljan, fejn kienu qed jithawlu xi sigar, il-Ministru għall-Ambjent, Francis Zammit Dimech qal li sa l-aħħar ta' Settembru li għadda kien hawn fit-toroq ta' Malta 252,986 vettura. Minn dawn 187,062, jew 74 fil-mija kienu vetturi privati. Il-bqija kienu vetturi kummerċjali.
Francis Zammit Dimech qal li jekk nieħdu l-aħħar erba' snin sħaħ insibu li fl-1997 kienu liċenzjati 14,858 vettura ġdida, 14,233 fl-1998, 16,566 u 15,822 fl-2000. Fl-istess waqt kienu skrappjati medja ta' 4,000 vettura fis-sena li jħallu zieda netta ta' vetturi fit-toroq ta' madwar 11,000 fis-sena.
Il-Ministru għall-Ambjent qal li, minhabba l-effett hazin ta' l-emissjonijiet minn dawn il-vetturi, dawn qed ikollhom effett negattiv ukoll kemm mil-lat ambjentali, kemm fuq is-saħħa tal-bniedem, kif ukoll fuq il-ġebla Maltija u r-raba; u qed ukoll joholqu problemi ta' traffiku u problemi ta' parkeġġ. Francis Zammit Dimech qal li fl-aħħar snin kulħadd sar aktar konxju mill-ħtieġa li jinstabu aktar mezzi għall-ipparkjar tal-karrozzi. Fil-bini ta' lukandi, appartamenti u bini ieħor qed issir insistenza biex ikun hemm parkeġġ adegwat għall-vetturi li jużaw il-lokalitajiet. Il-Kunsilli Lokali qed isiru wkoll dejjem aktar konxji minn din il-problema u qed jieħdu miżuri biex jimmaniġġjaw aħjar it-toroq billi ħafna minnhom jsiru one way, halli ikun hemm postijiet għall-parkeġġ. Fl-istess waqt qed ikunu maħsuba ideat ġodda għall-parkeġġ.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li f'Pender Place, fejn qabel kien hemm l-uffiċini tal-Maltacom u li ghaddew f'idejn il-Gvern, twettaq proġett għall-parkegg ta' 450 karrozza. Qal li permezz ta' dan il-proġett ittieħdu miżuri biex tittaffa l-problema tal-parkeġġ f'Paceville u San Ġiljan. Ittieħdu wkoll miżuri biex l-impatt ambjentali madwar il-parkeġġ, speċjalment għar-residenti, ikun minimu. Il-Gvern insista li jinbnew buffer areas fejn ma jistax jidħol il-pubbliku. Ħarget ukoll tender biex jitħawlu siġar f'dawn l-inħawi biex il-parkeġġ ma jistonax ma' l-inħawi ta' madwar.
Francis Zammit Dimech qal li kien ta' pjaċir għalih li flimkien mas-Segretarju Parlamentari George Pullicino kien qed isegwi t-tħawwil ta' dawn is-siġar. Qal li dan juri l-impenn tal-Gvern li f'kull proġett li jwettaq iħares lejn il-lat ambjentali u lejn li jkompli jżewweġ l-iżvilupp mal-ħarsien ta' l-ambjent.
Il-Ministru għall-Ambjent fakkar li fil-budget ta' din is-sena kien hemm diversi proġetti li kienu se jitwettqu biex ikollna ambjent aħjar. Fakkar fil-proġetti ta' tisbiħ, proġetti ta' riabilitazzjoni, proġetti ta' restawr, proġetti ta' afforestazzjoni, proġetti għat-tneħħija ta' kmamar illegali li se jinbidlu ma' kmamar li jinbnew b'mod li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent u proġetti ta' landscaping.
Il-Gvern irid li pajjiżna jkun wieħed ambjentalment minn ta' quddiem fejn mhux biss nibżgħu għal dak li għandna, iżda fejn nieħdu miżuri biex l-infrastruttura ambjentali titħaddem b'mod biex dak li għandna ntejjbuħ ħalli nħalluh aħjar lil ta' warajna.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN