Left arrow Go Back

PROĠETTI GĦALL-ĦARSIEN TAL-WIRT STORIKU TA' PAJJIŻNA

pr1900
Date Icon 14/12/2001

Il-Ministru għall-Ambjent Francis Zammit Dimech qal li parti mill-infrastruttura biex ikollna ambjent aħjar hi l-proġetti ta' tisbiħ, il-proġetti ta' riabilitazzjoni u l-proġetti ta' restawr. Dawn l-istrutturi nħolqu kollha f'dawn l-aħħar snin. Il-Ministru kien qed jitkellem waqt zjara li ghamel fil-Knisja ta' Lapsi, f'San Giljan li fiha qed isir xoghol ta' restawr.

Francis Zammit Dimech qal li l-Gvern jifhem li l-patrimonju storiku u kulturali ta' pajjiżna rridu nħarsuh billi jsir xogħol ta' restawr u riabilitazzjoni. Hu fakkar li wara li din l-amministrazzjoni bdiet bil-Proġett għar-Riabilitazzjoni tal-Belt Valletta, fejn beda jitwettaq xogħol ta' restawr fil-Konkattidral ta' San Ġwann u fid-diversi knejjes, bereg, palazzi u bini ieħor storiku; twaqqfu l-Proġetti għar-Riabiliazzjoni tal-Kottonera u ta' l-Imdina. Il-Floriana, belt oħra qadima u storika, saret parti mill-Proġett għar-Riabilitazzjoni tal-Belt Valletta.

Il-Ministru għall-Ambjent qal li xi snin ilu twaqqaf il-Unit għar-Restawr fi ħdan it-Taqsima tax-Xogħlijiet fil-Ministeru għall-Ambjent. Qal li dan il-Unit qed iwettaq ħidma kbira biex jirrestawra fortifikazzjonijiet u bini storiku ma' Malta kollha. Xogħol ieħor ta' restawr twettaq fil-Kavallier ta' San Ġakbu li nbidel f'Ċentru ta' Kreattivita'. Francis Zammit Dimech qal li fl-aħħar tliet snin intefqu Lm5.5 miljun f'restawr u Lm1.5 miljun f'xogħlijiet ta' riabilitazzjoni - b'kollox Lm7 miljun.

Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li l-Unit għar-Restawr lesta 20 proġett ta' restawr, għandu 30 proġett li qed isir xogħol fuqhom u 45 proġett ieħor li jew għadhom fl-istadju ta' l-iddisinjar jew fl-istadju tal-ħruġ ta' offerti.

Francis Zammit Dimech qal li fost il-proġetti li qed iwettaq dan il-Unit hemm dak tar-restawr tal-Knisja ta' Lapsi f'San Ġiljan. Din il-knisja, li tmur lura għas-sena 1729, għandha stil arkitettoniku tas-Seklu 17 u ħadet post stuttura li ġarrbet ħsara fit-terremot ta' l-1693. Il-knisja kienet diġà nbniet fil-post oriġinali ta' knisja li kienet telgħet fil-post fl-1580. Wara li fl-1853 San Ġiljan sar Viċi-Parroċċa l-knisja tkabbret għad-doppju li kienet. Meta Dun Gużepp Xerri nħatar Kappillan fl-1891 il-knisja reġgħet tkabbret għal dik li hi llum.

Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li t-Taqsima tax-Xogħlijiet wettqet l-ewwel xogħol ta' restawr f'din il-knisja f'nofs is-snin 90 meta l-kampnar, li kien fi stat dilapitat, wara li ntlaqat minn sajjetta, nħatt u nbena mill-ġdid.

Bħalissa qed isir xogħol ta' restawr tal-pittura tas-saqaf tal-knisja. Hu qal li partijiet kbar mill-pittura, lokalizzati fi tnejn min-navi ċentrali, kienu qed jinqalgħu u jaqgħu. Minbarra li kienet qed issir ħsara anke estetika lis-saqaf, il-hsara kienet ukoll ta' periklu għal min kien imur fil-knisja. Kien sar studju tal-hsara u nstab li l-kawza prinċipali tal-ħsara kienet il-membrane li tqiegħed fuq is-saqaf xi għaxar snin qabel. Dan biddel l-ekwilibrju tal-kundizzjonijiet tal-pittura u ilma li kien daħal bejn il-membrane u s-saqaf beda jnixxi lejn in-naħa ta' ġewwa fejn hemm il-pittura. Saru aktar testijiet fiċ-Ċentru Malti għar-Restawr f'Bigħi biex ikunu aċċertati livelli ta' umdita' u analiżi ta' kontenut tal-melħ.

Il-Ministru għall-Ambjent qal li xogħlijiet ta' restawr fuq il-pittura mas-saqaf kienu oriġinarjament maħsuba li jikkonsolidaw il-ħsara lokalizzata biex ikun evitat xi periklu. Darba ttella l-iscaffolding kien deċiż li x-xogħlijiet ta' restawr jiġu estiżi biex ikopru l-parti ċentrali kollha tan-nava. Francis Zammit Dimech qal li s'issa tlesta 80 fil-mija tax-xoghol filwaqt li x-xoghlijiet fuq il-parti li baqa' qed isiru u mistennija jitlestew fil-bidu tal-2002. Ix-xogħlijiet qed isiru minn restawraturi Taljani speċjalizzati li kienu responsabbli mir-restawr tal-knisja ta' Santa Caterina d'Italia. Dawn qed ikunu mgħejjuna minn ħaddiema mill-Unit għar-Restawr.

Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li minbarra x-xogħol ta' konsolidament, ir-restawr jinkludi t-tindif ta' saffi ta' nugrufun li akkumula tul is-snin, ir-restawr ta' l-induratura bid-deheb kif ukoll l-integrazzjoni mill-gdid tal-pittura.

Il-Ministru għall-Ambjent qal li ried jifraħ lill-Unit għar-Restawr għall-ħidma tagħhom biex ġojjel ieħor arkitettoniku u ta' storja jerga' jingħata l-ġieħ li jixraqlu. Francis Zammit Dimech qal li l-Gvern kien qed jaghmel minn kollox biex jitħares il-wirt storiku ta' pajjiżna. Qal li f'din il-ħidma kien jistenna l-kooperazzjoni ta' kulħadd.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow