L-ORDNI NAZZJONALI TAL-MERITU
KUMPANN
JOHN RIZZO NAUDI K.O.M.
Professur tal-Mediċina, Kanċillier ta' l-Università ta' Malta u politiku. Inħatar Segretarju Parlamentari b'responsabbilta' għall-Kura ta' l-Anzjani fl-1987 meta dan il-qasam ġie inkluż formalment f'portafoll ta' Ministeru. Kemm dam fil-kariga rnexxielu jbiddel il-kura ta' l-anzjani minn kunċett għal realta'. Il-ħafna inizjattivi tiegħu kienu jinkludu t-twaqqif ta' l-Istitut tal-Ġerentoloġija fl-Università, l-ewwel Geriatric Rehabilitation Hospital - l-Isptar Zammit Clapp - u l-Institute for the Ageing tan-NU. Bħala Segretarju Parlamentari għas-Saħħa bejn l-1992 u l-1995 irriforma u immodernizza t-taħriġ professjonali ta' l-infermiera u paramediċi. Fost l-oħrajn, waqqaf il-Pre-Vocational School for Health Care Personnel u kien ko-fundatur ta' l-Institute of Health Care ta' l-Università. Barra l-ħidma tiegħu fil-volontarjat f'Malta u fl-Afrika huwa ukoll awtur ta' numru ta' pubblikazzjonijiet.
UFFIĊJAL
DANIEL MICALLEF U.O.M.
Tabib tal-familja rispettat u politiku. Fl-istadji differenti tal-ħajja pubblika tiegħu huwa serva 'l pajjiżu bħala Aġent President tar-Repubblika, Speaker tal-Kamra tad-Deputati, Ministru ta' l-Edukazzjoni u Ambjent u Ambaxxatur għall-Vatikan u għall-Ordni Sovrana Militari Ospitaliera ta' San Ġwann. Matul il-kariga tiegħu ta' Ministru fis-snin tmenin kien strumentali biex ippromwova l-kunċett ta' 'ambjent olistiku'. Kien membru attiv fil-Kunsill ta' l-Ewropa fejn kien ukoll Viċi President ta' l-Assemblea Ewropea. Aktar riċenti huwa applika l-esperjenza tiegħu bħala tabib fi proġett umanitarju fl-Albanija.
UFFIĊJAL ONORARJU
VIKTOR DULGER U.O.M.
Inventatur Ġermaniż u industrijalist internazzjonali, u ħabib ġenwin ta' Malta. Huwa dejjem ra kif ippromwova l-isem ta' Malta f'pajjiżi barranin, ukoll għaliex tlieta mill-fabbriki tal-Grupp ta' Kumpanniji globali ProMinent li tiegħu hu l-fundatur u kap, huma bbażati hawn Malta, minn fejn il-prodotti tagħhom jiġu esportati lejn erbgħin pajjiż. L-enerġija, il-kreattivita' u l-viżjoni strateġika eċċezzjonali tiegħu għadhom jikkaratterizzaw il-Grupp li bena s-suċċess tiegħu fuq is-solenoid membrane metering pump imsemmija ProMinent li huwa żviluppa fl-1968 u li tat l-isem tagħha lill-Grupp. Personalita' rispettata ħafna, wkoll bħala promotur fil-qasam ta' l-Arti, huwa ingħata numru kbir ta' unuri, fosthom mill-Università ta' Heidelberg li tagħha huwa professur, u mill-Università ta' Dalian fiċ-Ċina.
MEMBRU
JOSEPH BORG M.O.M.
Trejdjunjonista eżemplari bi tlieta u għoxrin sena servizz mal-Union Ħaddiema Magħqudin fejn serva bħala Segretarju tat-Taqsimiet tad-Dipartimenti u tal-Parastatali. Kien ukoll id-delegat tal-Union għall-Konferenza Ġenerali, Membru tal-Kunsill u Assistent Segretarju Ġenerali tal-Konfederazzjoni tat-Trejd Unjons Maltin. Bħala Shop Steward tal-Grupp Universitarju tal-UĦM huwa ħadem bil-qawwa biex itejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol ta' l-istaff mhux akkademiku li huwa wkoll jirrapreżenta fuq il-Kunsill ta' l-Università ta' Malta fejn, fost xogħol ieħor, ħadem bħala Assistent Reġistratur.
MEMBRU
JACK CALAMATTA M.O.M.
Attiv ħafna fit-trejdjunjoniżmu mal-General Workers' Union sa' mill-1956. Fl-1985 kien ġie elett Deputat Segretarju Ġenerali tal-Union u fl-1996 hu assuma r-responsabbiltajiet ta' Segretarju Ġenerali sa' ma rtira. Matul il-karriera twila tiegħu kellu wkoll sehem attiv fil-ħidma tal-Konfederazzjoni tat-Trejdjunjons Ewropej, fil-Konfederazzjoni Internazzjonali tat-Trejdjunjons Ħielsa u fl-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, fejn kien l-ewwel u l-uniku trejdjunjonista Malti elett biex iservi fuq il-Governing Body ta' dik l-Għaqda Internazzjonali.
MEMBRU
CHARLES FENECH M.O.M.
Provinċjal tal-Patrijiet Dumnikani f'Malta u Fundatur u Direttur tal-Moviment Kerygma li għal sittax-il sena organizza l-Kampanja Nazzjonali 'Solidarjetà bl-Isports', li fiha mijiet ta' żgħażagħ u voluntiera jieħdu sehem f'maratona annwali tal-volleyball. Din saret ġrajja ewlenija fil-kalendarju Malti li matulha jinġabru eluf kbar ta' liri għal istituzzjonijiet meritevoli f'Malta. Id-dedikazzjoni tiegħu lejn dawk fil-bżonn ma ttellifx mill-ħidma pastorali tiegħu, speċjalment fost iż-żgħażagħ fejn, permezz ta' l-attivitajiet tal-Kerygma, jirnexxielu jippriedka bl-eżempju. Huwa wkoll l-Editur tar-rivista tal-moviment 'L-Impenn Kristjan' u ta' għadd ta' pubblikazzjonijiet oħra.
MEMBRU
LOUIS EDWARD GALEA M.O.M.
Il-karriera distinta tiegħu bħala bankier rat il-bidu tagħha ma' Barclays Bank, li tiegħu kien l-ewwel Malti li ħa f'idejh it-tmexxija ta' l-operazzjonijiet f'Malta u wara sar iċ-Chairman tal-Bord f'Malta. Kien il-Fundatur u għal tnax-il sena President taċ-Ċentru Malti taċ-Chartered Institute of Bankers. Huwa okkupa diversi karigi ta' prestiġju f'oqsma oħra, fosthom dawk ta' direttur fundatur tal-Korporazzjoni Maltija għall-Iżvilupp, President tal-Kamra tal-Kummerċ, Viċi-Chairman ta' Simonds Farsons Cisk u Deputat Chairman tal-Borża ta' Malta. Attiv għal sitta u tletin sena fl-MMDNA, li tagħha huwa Vici-President, u kien ukoll involut għal għoxrin sena fir-riforma ta' l-amministrazzjoni tal-Knisja f'Malta.
MEMBRU
ALEX MANCHÈ M.O.M.
Il-Kap ta' tim ta' speċjalisti li jifformaw il-Cardio-Thoracic Surgical Unit li waqqaf l-ewwel servizz lokali f'Malta fl-1995. Dan l-iżvilupp fetaħ kapitlu ġdid fl-istorja tal-Mediċina f'Malta. Minn kemm ilha li twaqqfet il-Unit saru b'suċċess 'il fuq minn tlett elef proċeduri tal-pulmun u tal-qalb. Il-ħila professjonali pre-eminenti tiegħu, magħrufa nternazzjonalment, fissret li pazjenti Maltin m'għadx għandhom il-ħtieġa li jgħaddu mit-trawma li jmorru jagħmlu operazzjoni ta' by-pass barra minn pajjiżhom. Id-dedikazzjoni diżinteressata tiegħu, il-manjieri ġentili tiegħu u l-follow-up metikoluż ta' wara l-operazzjoni ġabulu l-gratitudni profonda tal-pazjenti kollha tiegħu u tal-familji tagħhom, kif ukoll ir-rispett tal-kollegi tiegħu.
MEMBRU
ALFRED PISANI M.O.M.
Il-Fundatur, Chairman u Chief Executive tal-Grupp Corinthia li, bl-akkwist ta' numru ta' lukandi kbar u prestiġjużi f'għadd ta' pajjiżi oħra, sar l-ewwel organizzazzjoni globali Maltija. Il-kontribut siewi tiegħu għal biex dejjem jissaħħaħ it-Turiżmu f'Malta hu kkaratterizzat mill-impenn kontinwu u bla kompromess tiegħu li jtejjeb il-kwalita' u jgħolli l-istandards f'din l-industrija. Huwa wera b'mod konvinċenti l-kapaċitajiet eċċellenti ta' imprenditur u mexxej u, minkejja diffikultajiet bla waqfien u limitazzjonijiet assoċjati ma pajjiż ċkejken, wera li hu possibbli li kumpannija Maltija tirnexxi fuq livell internazzjonali.
MEMBRU
FRANK PORTELLI M.O.M.
Wieħed minn tlett artisti Maltin li, fis-snin ta' wara tmiem il-Gwerra, qiegħed mill-ġdid is-sisien li fuqhom l-Arti Maltija kellha terġa' tqum fuq saqajha u tqarreb lejn is-sensibilita' Ewropea. Wara tħarriġ formali artistiku f'Malta li kien interrott bil-gwerra, hu studja fil-Kulleġġ ta' l-Arti f'Kennington. Mar-ritorn tiegħu Malta fl-1950 huwa sar figura prinċipali f'espressjoni artistika friska, oriġinali u kuraġġuża fi żmien meta Malta kienet qiegħda tfittex l-identita` nazzjonali tagħha. Ix-xogħol tiegħu jirrifletti il-personalita' miftuħa tiegħu, li dejjem lesta li tilqa' sfidi ġodda. L-arti tiegħu hi eklektika fl-espressjoni u tvarja mill-kubiżmu u impressjoniżmu sa esperimentazzjoni unika bil-kurvi.
MEMBRU
FRANCO SERRACINO - INGLOTT M.O.M.
Uffiċjal Pubbliku ta' impenn kbir li, matul il-wieħed u tletin sena tiegħu fis-Servizz Governattiv, ta kontribut liema bħalu lill-Agrikoltura li Malta għadha tgawdi minnu sal-lum ukoll fil-mixja tagħha lejn l-Unjoni Ewropea. Eżempji li jista' wieħed jara madwaru ta' proġetti mportanti f'dan il-qasam li għalihom hu ta l-enerġija kollha tiegħu huma ċ-ċentralizzazzjoni tal-Pitkali f'Ta' Qali, il-Biċċerija, ir-ristrutturar tad-Dipartiment tas-Sajd, l-eradikar tal-Bruċċellosi u Tuberkolosi fl-annimali, it-twaqqif tal-Plant Biotechnology Centre u l-ftuħ taċ-Ċentru Nazzjonali ta' l-Akwakultura. Barra minn Malta huwa kien elett Viċi-President tal-Kummissjoni Ewropea ta' l-Agrikultura tal-FAO li fuqha serva għal sitt snin. Id-dedikazzjoni tiegħu hija ta' eżempju għal kulħadd.
MIDALJA GĦALL-QLUBIJA
ROGER DEBATTISTA M.R.Q.
Raġel ta' familja u Kuntistabbli tal-Pulizija li tilef ħajtu traġikament waqt il-qadi ta' dmirijietu fil-fergħa tal-Bank of Valletta f'Ta' Farżina, Ħal Qormi, fejn inqatel brutalment f'attentat ta' serq. Huwa ħallas bl-għola prezz meta wera qlubija kbira biex iddefenda b'suċċess ħajjet dawk kollha li kienu fil-post. Il-familja tiegħu u kull minn kien jafu jibqgħalhom l-isbaħ memorji ta' persuna twajba u ċajtiera, ta' karattru u sens ta' dover kbir. Il-Korp tal-Pulizija jibqgħu jgħożżu xempju dejjiemi ta' membru tagħhom li ta l-għola servizz li wieħed jista' jagħti lill-kommunita' u lil pajjiżu.
MIDALJA GĦALL-QADI TAR-REPUBBLIKA
JOSEPH ATTARD TABONE M.Q.R.
Riċerkatur ta' l-istorja u student tal-preistorja ta' Għawdex, l-interessi tiegħu jinkludu l-arkejoloġija, l-ornitoloġija u l-Melitensja b'mod l-aktar wiesgħa. Kien strumentali fis-sejba ta' numru ta' siti arkeoloġiċi f'Għawdex fosthom, ta' fosos ta' Żmien il-Bronż għall-ħażna ta' ċerejali fuq dik magħrufa bħala 'l-Għolja tan-Nuffara', fdalijiet ta' għarix ta' Żmien it-Tempji f'Għajnsielem, u sensiela ta' oqbra tat-tip Xemxija fuq l-irdum ta' bejn Marsalforn u r-Ramla. Bla dubju ta' xejn l-aktar kontribut mportanti tiegħu kien il-lokazzjoni mill-ġdid tal-Gozo Stone Circle, magħruf aħjar bħala l-Brockdorff Circle, fil-limiti tax-Xagħra fejn hu twieled.
MIDALJA GĦALL-QADI TAR-REPUBBLIKA
JOHN MIFSUD M.Q.R.
Uffiċjal pubbliku dedikat għal kollox għax-xogħol tiegħu bħala manager tas-servizzi ta' radjoterapija fl-Isptar Sir Paul Boffa, fejn jaqdi dmirijietu b'effiċjenza, kompetenza, u kompassjoni. Kien fost l-ewwel radjografi Maltin li daħlu jaħdmu mad-Dipartiment tas-Saħħa fl-1975. Minn dak iż-żmien 'l hawn irnexxielu jżomm ruħu aġġornat mal-bidliet mgħaġġla tat-teknoloġija fil-qasam tiegħu. Membru kapaċi u ndispensabbli tad-dipartiment tar-radjoterapija, huwa mfaħħar mil-pazjenti u minn qrabathom għall-manjieri ġentili tiegħu fuq ix-xogħol.
MIDALJA GĦALL-QADI TAR-REPUBBLIKA
ANTOINETTE MIGGIANI M.Q.R.
Sopran drammatika ta' talent u kapaċita' partikolari li, bl-aktar mod ġeneruż, għażlet li ttemm il-karriera internazzjonali tagħha qabel il-waqt biex tieħu ħsieb il-ġenituri anzjani morda tagħha. Hija bdiet it-taħriġ tagħha fl-eta' ta' ħames snin u akkwistat profiċjenza fil-pjanu u fil-kant. Studjajt il-kant taħt l-aqwa maestri. Fi stadji differenti ta' karriera qasira internazzjonali hija kienet ikkontrattata mar-Royal Opera House Covent Garden u mas-Seattle Opera, u kellha rwolijiet ewlenin f'ħafna opri liriċi f'recital tour fl-Istati Uniti fl-1968. Tat numru kbir ta' kunċerti f'Malta kif ukoll barra minn Malta. Wara li warrbet mix-xena internazzjonali, kompliet tati kontribut lokalment bħala kantanta lirika u għalliema tal-vuċi.
MIDALJA GĦALL-QADI TAR-REPUBBLIKA
CECILIA MUSCAT M.Q.R.
Soru tal-Karità li għaddiet snin twal tagħti servizz eċċezzjonali fi sptar tal-Gvern. Wara li rtirat, kompliet tagħmel l-istess f'dar tal-Knisja għall-anzjani. Il-ħidma dedikata tagħha fl-Isptar San Luqa u, żmien wara, fl-Istitut Ta' Sawra u f'Casa Leone XIII, kienet ikkaratterizzata mill-ordni, dixxiplina u ndafa li bihom mexxiet is-swali tagħha u bl-imġieba ta' karità Kristjana li hi wriet fix-xogħol tal-kura tal-morda. Il-karattru tolleranti u uman tagħha ġabulha r-rispett kemm tal-pazjenti kif ukoll ta' dawk kollha li ħadmu magħha.
MIDALJA GĦALL-QADI TAR-REPUBBLIKA
JOSEPH MUSCAT M.Q.R.
Espert fl-għamla ta' mudelli ta' bċejjeċ tal-baħar u restawratur prim li saħħaħ l-istudju, l-apprezzament u l-konservazzjoni ta' l-istorja u tal-patrimonju marittimu rikk Malti. L-abbilta' partikulari tiegħu hi fil-perijodu ta' l-Ordni ta' San Ġwann u fl-iżvilupp, matul il-medda taż-żmien, ta' bċejjeċ tal-baħar żgħar tradizzjonali Maltin u fit-teknoloġija u l-ikonografija ta' bastimenti ta' l-injam, f'liema oqsma għamel riċerka arkivjali wiesgħa. Ir-restawr ta' bastiment tal-gwerra tas-seklu tmintax li jinsab espost permanentament fil-Mużew Marittimu tal-Birgu hu biss wieħed mill-eżempji tal-ħila kbira tiegħu.
MIDALJA GĦALL-QADI TAR-REPUBBLIKA
ALBERT RIZZO M.Q.R.
Irkantatur u bejjiegħ ta' l-antikitajiet ewlieni, f'żgħożitu huwa kien ukoll figura sportiva magħrufa li kien ġie vvutat l-Isportiv tas-Sena fl-1980. Huwa wiret il-kapaċitajiet tiegħu mill-leġġendarju nannuh u l-bravuri tiegħu fil-water treading kienu uniċi. Fil-fatt huwa kien l-ewwel Malti li sab post fil-Guinness Book of Records għall-għemejjel tiegħu mhux tas-soltu. Ħalla wkoll il-marka tiegħu fil-Kunsilli Lokali fejn, fl-1994 hu kien elett Sindku tal-belt tiegħu, il-Gżira. Huwa attiv fil-volontarjat fejn jgħin ħafna lill-istituti tal-karita'.
MIDALJA GĦALL-QADI TAR-REPUBBLIKA
CHARLES THAKE M.Q.R.
Attur ta' ħila li għandu talent naturali għal partijiet komiċi u li jgawdi minn popolarita' kbira mal-pubbliku Malti. L-esperjenza tiegħu tmur lura sa meta deher fuq il-palk għall-ewwel darba fl-eta' ta' ħmistax-il sena. Matul il-karriera tiegħu ħa parti f'numru kbir ta' produzzjonijiet fuq il-palk u fuq it-televiżjoni Maltija ma' kumpanniji teatrali magħrufa bħal ma huma l-Maleth, l-Atturi u l-MADC. Fares u produzzjonijiet komiċi li jibqgħu fil-memorja tal-pubbliku Malti jinkludu 'F'Baħar Wieħed', 'Nhar it-Tieġ' u 'Inkwiet'. Ħadem ukoll ma' kumpanniji tal-films u TV barranin. Huwa kiseb ukoll popolarita' kbira fost il-komunitajiet Maltin fl-Awstralja li huwa żar fl-1982. Hu jgħin materjalment il-missjonijiet fil-Gwatemala kull meta jistà.
MIDALJA GĦALL-QADI TAR-REPUBBLIKA
FUQ BAŻI ONORARJA
BARBARA PATRICIA BURKEY M.Q.R.
Pijuniera fil-qasam edukattiv tal-professjoni ta' l-Infermiera u Qwiebel f'Malta. Matul iż-żmien li għamlet ma' l-Istitut tal-Kura tas-Saħħa fl-Università ta' Malta, hija tat sehem uniku u eċċellenti fl-implimentazzjoni ta' kurrikula moderni fil-livell ta' Ċertifikat u Diploma għat-tagħlim ta' infermiera u qwiebel u fit-twaqqif ta' l-ewwel korsijiet li jwasslu għall-Grad ta' Honours u Masters Degrees fl-istess suġġetti. Minbarra hekk hija kienet għamlet kampanja b'mod qawwi u konsistenti favur li s-sengħa tal-kura tal-morda ssir professjoni. Kienet ukoll strumentali biex ġew attirati u reklutati infermiera u qwiebel fi żmien meta kien hawn nuqqas kbir tagħhom f'Malta.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN