Left arrow Mur Lura

MESSAĠĠ GĦALL-MILIED U L-EWWEL TAS-SENA MILL-PRIM MINISTRU, DR EDDIE FENECH ADAMI, LILL-EMIGRANTI MALTIN U GĦAWDXIN

pr1885
Date Icon 12/12/2001

"Ħuti Maltin u Għawdxin

Imiss lili u bi pjaċir li għal darb’oħra, metawasalna lejn tmiem is-sena, nindirizza lilkom Maltin u Għawdxin li tgħixu ’l bogħod minn art twelidkom. Huwa pjaċir għalija li għal darb’oħra nerġa’ nwassal il-messaġġ f’ismi, f’isem il-Gvern, u f’isem il-Maltin kollha lilkom li tinsabu taħdmu ’l bogħod minn artna.
Sentejn ilu beda t-tielet millennjutal-Kristjaneżmu. U lkoll konna mimlijin tama li l-millennju l-ġdid, is-seklu ġdid, kien sejjer ikun wieħed ta’ tama, ta’ prospetti tajbin għall-umanità kollha. Ittamajna li konna bdejna seklu ta’ paċi u ta’ sliem, u ta’ solidarjetà. Sfortunatament, il-11 ta’ Settembru ta’ din is-sena ġab fuqna r-realizzazzjoni ta’ kemm qed ngħixu f’dinja perikoluża. Atti terroristiċi fl-Istati Uniti ta’ l-Amerika li qatt ma ħlomna li jistgħu jsiru atti bħalhom. Atti li kexkxuna lkoll: rajna l-vittmi - dawk li sfaw mejtin, dawk li sfaw korruti, eluf minnhom, nies innoċenti - atti terroristiċi illi ħassejna aħna lkoll li ġejna milquta bihom.
Dan ma jfissirx iżda li aħna għandna nħallut-tama u nintrebħu minn xi sitwazzjoni ta’ disperazzjoni. Għal kuntrarju, irridu lkoll nagħmlu, u nkomplu nagħmlu l-parti tagħna biex kemm jista’ jkun madwar id-dinja kollha nġibu s-sliem, inġibu l-paċi, inġibu s-solidarjetà.
Hawn f’pajjiżna wkoll ħassejna l-effett ta’dawn l-atti terroristiċi. Ilkoll ninsabu mbeżżgħin dwar x’jista’ jiġri minn issa ’l quddiem. Ukoll aħna f’Malta ħassejna l-iżvantaġġi li ġiebu magħhom dawn l-eventi, partikolarment fil-qasam ta’ l-ekonomija. Fortunatament pajjiżna, Malta, bqajna mexjin ’il quddiem. Bqajna mexjin ’il quddiem għaliex il-poplu Malti huwa poplu bieżel, huwa poplu kuraġġuż, huwa poplu li jifhem illi bix-xogħol biss il-pajjiż jista’ jimxi ’l quddiem.
U nieħu pjaċir nara, li tul din is-sena li wasletbiex tispiċċa, ix-xogħol f’pajjiżna kompla jitkattar, in-numru ta’ nies jirreġistraw għax-xogħol kompla jonqos, rajna li l-finanzi tal-Gvern huma aħjar din is-sena milli kienu fis-snin ricenti, li għaddew, u qed naraw il-pajjiż miexi ’l quddiem. Irridu aħna li l-poplu kollu jħoss ruħu interessat li jista’ jikkontribwixxi lejn il-ġid ta’ pajjiżna. U intom, il-Maltin ta’ barra, li tgħixu barra minn Malta, naf li għad għandkom ir-rabtiet magħna. Tieħdu pjaċir tisimgħu li pajjiżna miexi ’l quddiem.
Jiena, din is-sena kelli nżur l-Awstralja, fejnkellhom jiltaqgħu l-kapijiet tal-Commonwealth. Imma nafu, minħabba dak li ġara fil-11 ta’ Settembru, dik il-laqgħa ġiet posposta. Nittama li s-sena l-ġdida, aktarx f’Marzu li ġej, dik il-laqgħa ssir, u allura jiena jkolli okkażjoni li niltaqa’ magħkom, Maltin u Għawdxin, illi qegħdin tgħixu fl-Awstralja.
Din is-sena pajjiżna kellu avveniment ta’importanza straordinarja. Kellna l-viżita tal-Qdusija Tiegħu l-Papa Ġwanni Pawlu II, it-tieni darba li ġie Malta; u din id-darba ġie għal xi ħaġa straordinarja. Tlieta minn ħutna Maltin ġew dikjarati beati. Kulħadd jaf b’Dun Ġorġ, fundatur tal-M.U.S.E.U.M; kulħadd sema’ b’Ignazio Falzon, u kulħadd sema’ b’Adeodata Pisani. U nassigurakom li aħna lkoll ipparteċipajna fil-funzjoni tal-beatifikazzjoni; ħassejna ruħna kburin illi aħna Maltin; ħassejna ruħna magħqudin flimkien. Jiena niftakar illi f’dik l-okkażjoni fuq il-Fosos tal-Furjana kien hemm diversi wkoll minnkom, Maltin u Għawdxin, li tgħixu barra minn Malta. Naħseb illi l-viżita tal-Qdusija Tiegħu l-Papa serviet biex tinkoraġġina ħalli nibqgħu ngħixu l-valuri, li huma l-valuri tradizzjonali tal-poplu Malti: l-imħabba tal-familja u l-għożża ta’ l-ulied. U naħseb dawn huma l-karatteristiċi li jridu jibqgħu jmexxuna ’l quddiem.
Malta mexjin, kif tafu, biex nissieħbu fl-UnjoniEwropea. Imxejna ħafna. Ninsabu minn ta’ quddiem nett fost il-pajjiżi kandidati, u hija t-tama tagħna li wara li l-poplu Malti jiddeciedi f’referendum, Malta tissieħeb fl-Unjoni Ewropea aktarx fil-bidu tas-sena 2004. Dak ikun ta’ vantaġġ għalina li ngħixu Malta u jkun ta’ vantaġġ għalikom ukoll li tgħixu barra minn Malta. Ħafna minnkom reġgħu akkwistaw iċ-ċittadinanza Maltija, u Malta fl-Ewropa tfisser illi ċ-ċittadini Maltin kollha, jgħixu fejn jgħixu, se jsiru wkoll ċittadini ta’ l-Ewropa.

Naħseb li għandna futur sabiħ għal pajjiżna. Nixtieq illi għal darb’oħra, f’ismi, f’isem il-familja tiegħi, f’isem il-Gvern immexxi minni, u f’isem il-poplu Malti kollu, inwassal lilkom awguri ta’ hena, sliem, u ta’ paċi; awguri tajba għal festi tal-Milied, u awguri għal ħafna riżq fis-sena li ġejja.”

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

Aktar Stqarrijiet Right arrow