XOGĦOL TA' TISĦIĦ FUQ TLETT TOROQ PRINĊIPALI F'GĦAWDEX - SPIŻA KAPITALI TA' MADWAR LM300,000
Bħalissa fit-triq li tagħti mill-Belt Victoria għal Marsalforn, fi Triq ta' Xħajma n-Nadur u t-triq li tgħaqqad lir-raħal ta' l-Għasri maż-Żebbuġ għaddejja ħidma kontinwa sabiex dawn it-tlett toroq prinċipali, li kienu fi stat ħażin ħafna, tingħatalhom l-attenzjoni meħtieġa. L-ispiża sabiex dawn it-tlett toroq jiġu rranġati se tlaħħaq it-Lm300,000.
It-triq għal Marsalforn, li mill-Kappuċini (Victoria) twassal sad-daħla prinċipali tal-villaġġ bħalissa tinsab magħluqa għat-traffiku b'mod temporanju, kif jindikaw tabelli mwaħħla apposta madwar ir-Rabat. Din it-triq, l-iktar li hi ffrekwentata matul ix-xhur tas-sajf peress li Marsalforn huwa l-villaġġ tal-villeġġjatura għal ħafna Maltin u Għawdxin, kienet fi stat ħażin ħafna speċjalment il-parti min-naħa t'isfel tal-Kapuċċini sa ħdejn il-pompa ta' l-ilma. Hija triq li hi mibnija fuq art mhux tajba - art taflija - u għalhekk ix-xogħol fuqha jinvolvi spejjeż kbar.
Qabel ma jibda x-xogħol ta' tarmac, il-fażi preliminari kienet tikkonsisti f'konsultazzjonijiet ma' diversi dipartimenti sabiex jiġi żgurat li servizzi bħal drenaġġ, dawl, ilma u oħrajn bħal tal-MelitaCable u Maltacom jkunu mgħoddija kollha, biex jiġi evitat it-tħaffir ta' trinek oħra fis-snin immedjati. Fil-fatt, ġie aċċertat li dawn is-servizzi msemmija kienu mgħoddija kollha minbarra dawk konnessi mad-drenaġġ. Għalhekk, ġie mgħoddi rising main ġdid li jtella' d-drenaġġ miż-żona ta' Marsalforn lejn il-Belt Victoria.
Bejn din l-ewwel fażi u t-tkomplija tal-proġett it-triq reġgħet infetħet għall-użu sabiex ma ttellifx b'xi mod lill-istabbilimenti turistiċi ta' Marsalforn. Issa illi inbdiet it-tieni fażi t-triq reġgħet ingħalqet sabiex ix-xogħol ikun jista' jsir kif meħtieġ.
It-tieni fażi għalhekk tikkonsisti fit-tqaxxir ta' l-art taflija sabiex tkun tista' tingħata cement base illi ssaħħaħ il-fondazzjonijiet ta' din it-triq. Din il-base tiżgura li t-triq ma tkunx waħda magħmula għal ħsieb short term imma pjuttost investiment sħiħ fl-infrastruttura fiżika ta' Għawdex. Hekk, meta jingħata t-tarmac it-triq ta' Marsalforn ukoll ikollha bażi tajba u tkun tiflaħ għall-volum kbir ta' traffiku li jgħaddi minnha.
Din it-triq ser tiswa madwar Lm90,000 u mistennija tinfetaħ mill-ġdid b'mod temporanju fiż-żmenijiet ta' qrib il-Milied u mbagħad terġa' tingħalaq sabiex issir l-aħħar fażi ta' finalizzazzjoni f'Jannar. Sa dak inhar, sewwieqa għal Marsalforn jistgħu jagħżlu li jgħaddu jew mix-Xagħra inkella miż-Żebbuġ.
Minbarra t-triq li twassal għal Marsalforn, bħalissa għaddejja ħidma kontinwa fuq it-tieni fażi tax-xogħol relatat mar-rikostruzzjoni ta' waħda mid-daħliet prinċipali għar-raħal tan-Nadur.
Triq ta' Xħajma kienet ukoll fi stat ħażin ħafna. Fil-fatt, ftit iktar minn sena ilu inbdiet l-ewwel fażi ta' xogħlijiet fuqha fejn parti minnha ġiet mibnija mill-ġdid u mogħtija t-tarmac. Matul dawn l-aħħar jiem ingħata bidu għat-tieni fażi fejn parti oħra mit-triq qed tiġi wkoll rikostruwita u għalhekk tinkludi l-bini ta' madwar 100metru retaining wall ġdid u mbagħad tingħata t-tarmac. It-tieni fażi tinkludi wkoll il-bini ta' pumping station tad-drenaġġ li se ssolvi l-problema tad-drenaġġ ta' l-inħawi ta' Kenuna kif ukoll embellishment ta' din id-daħla ewlenija.
Ix-xogħol fuq din it-triq ilaħħaq il-Lm100,000 fejn Lm20,000 intefqu fl-ewwel fażi filwaqt li t-tieni fażi mistennija tlaħħaq it-Lm80,000. Sewwieqa li jridu jitilgħu n-Nadur min-naħa ta' Xħajma jistgħu jiksru lejn in-naħat ta' Kenuna skond kif indikat minn tabelli fuq il-post, jew inkella min-naħa ta' l-Imġarr jew il-Qala.
It-tielet triq li bħalissa għaddej xogħol intensiv fiha hija t-triq li mill-Għasri twassal sa ħdejn iċ-ċimiterju taż-Żebbuġ. Din it-triq kienet ukoll fi stat diżastruż, anke għaliex din ukoll kienet mibnija fuq it-tafal u s'issa qatt ma kienet ingħatat l-attenzjoni sħiħa sa minn meta nbniet. Il-ħitan li jżommuha kienu spiċċaw fi stat ħażin ħafna u għalhekk kien hemm il-ħtieġa li jinbnew retaining walls ġodda. S'issa fil-fatt tlestiet il-kostruzzjoni ta' madwar 800metru ta' ħitan neċessarji u saru xogħlijiet ta' twessiegħ f'partijiet minnha.
Issa jmiss li din it-triq ukoll titqaxxar sa livelli stabbiliti sabiex imbagħad tingħata cement base skond l-ispeċifikazzjonijiet neċessarji u wara tingħata t-tarmac. Hu mistenni li t-triq terġa' tinfetaħ għall-użu sa l-aħħar ta' Diċembru 2001.
Ix-xogħol fuq din it-triq se jiswa madwar Lm110,000. Bħalissa, sewwieqa li jixtiequ jmorru minn l-Għasri għaż-Żebbuġ u viċi-versa jridu jgħaddu minn Triq Papa Ġwanni Pawlu II u Triq l-Imgħallem (Victoria).
Għalkemm it-twettieq ta' dawn ix-xogħlijiet huma mistennija joħolqu xi ftit ta' nkonvenjent lil sewwieqa li normalment jużaw dawn it-toroq prinċipali biex jidħlu jew joħorġu mir-raħal tagħhom, il-Ministeru għal Għawdex jemmen bis-sħiħ li dawn it-tlett toroq imsemmija huma ta' prijorita' fit-tisħiħ ta' l-infrastruttura tal-gżira t'Għawdex.
"Bl-istess nefqa għal dawn it-toroq kien ikun faċli iktar li l-Ministeru għal Għawdex iwettaq xogħol ħafif ta' tqaxxir u għoti mill-ġdid ta' tarmac f'ħafna iktar toroq madwar il-gżira. Iżda għaliex nemmnu li x-xogħlijiet iridu jsiru b'serjeta' u kif għandhom ikunu allura indirizzajna l-ħtiġijiet propji ta' dawn it-toroq imsemmija u minflok ma għamilna xogħol li jdum biss għal ftit snin qed inwettqu ħidma konkreta u kif għandha tkun, liema riżultat se nibqgħu ngawduh tul is-snin" stqarret l-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN