QED TONQOS IL-MORTALITÀ FIL-FNIEK
Permezz ta' riżultati li qed jinkisbu minn riċerki biex jitjieb il-ġwież li jintema' lill-fniek, ir-rata ta' mortalità fil-fniek, li kien hemm żmien fejn kienet tammonta għal 60 fil-mija, tniżżlet għal 40 fil-mija. Għaldaqstant se tkompli ssir aktar riċerka biex din l-industrija f'pajjiżna tkompli tissaħħaħ, aktar u aktar meta hu fatt magħruf li Malta għandha, bħala medja, l-akbar konsum ta' laħam tal-fenek.
Dan qalu l-Ministru għall-Agrikoltura u Sajd Ninu Zammit meta fl-Iskola ta' l-Agrikoltura fl-Għammieri, qassam iċ-ċertifikati lil għadd ta' persuni li attendew kors dwar it-trobbija tal-fniek organizzat mill-Għaqda Produtturi tal-Fniek. Din l-għaqda twaqqfet kmieni din is-sena bl-iskop li teduka lill-pubbliku dwar it-trobbija tal-fniek. Għaldaqstant diġà organizzat diversi korsijiet ta' din ix-xorta f'Malta u Għawdex. L-għadqa diġà għandha 207 membri.
Il-Ministru Zammit faħħar inizjattivi ta' din ix-xorta fejn il-produtturi fil-qasam tal-biedja u sajd jingħaqdu flimkien fl-interess tagħhom. Dan għaliex hi l-politika tal-Gvern li jħeġġeġ lil dawk li jipproċudu biex jersqu flimkien ħalli jippromwovu aktar is-settur tagħhom u jieħdu dawk l-inizjattivi li jwasslu biex itejbu l-kwalità u jkabbru l-produzzjoni. Hu qal li dan is-suq joffri domanda kbira. Fil-fatt, bħala medja, il-Maltin jikkunsmaw madwar 10 kilogrammi laħam tal-fenek fis-sena.
Hu kompla li f'Malta hawn madwar 15,000 li jrabbu l-fniek u bejniethom jipproduċu madwar żewġ miljun u nofs fenek fis-sena. Għad-domanda li hawn, din il-produzzjoni hemm lok fejn tista' kważi tirdoppja. Madankollu, hu ħeġġeġ lill-produtturi biex huma stess jikkontrollaw il-prezzijiet ħalli ma jħassrux l-għajn li jridu jixorbu minnha. Fl-istess waqt ħeġġiġhom ukoll biex jimmodernizzaw l-ambjent fejn irabbu l-fniek biex b'hekk ikollhom prodott aħjar u anqas telf.
F'dan is-sens, il-Ministru Zammit qal ukoll li hu jaqbel li l-produtturi tal-fniek, kemm jekk ikabbru fuq bażi full-time (b'400 gaġġa u aktar) kif ukoll jekk fuq bażi part-time (b'200 sa 399 gaġġa), jirreġistraw ruħhom mad-Dipartiment ta' l-Agrikoltura aktar u aktar issa li qed ikun offrut pakkett ta' għajnuna għar-ristrutturar tal-biedja. B'dan il-mod tkun tista' tkompli togħla l-kwalità.
Sadattant, meta tkellem waqt laqgħa għall-bdiewa u oħrajn interessati fit-tkabbir taż-żebbuġ, li saret fil-Mosta, il-Ministru Zammit qal li l-Ministeru se jkompli bil-kampanja tiegħu favur iż-żriegħ ta' ferm aktar siġar taż-żebbuġ, ħalli din l-industrija wara mijiet ta' snin terġa' titwaqqaf fuq saqajha f'pajjiżna.
Hu qal li l-klima tagħna hi ferm ideali għat-tkabbir taż-żebbuġ, kemm dak ta' l-ikel kif ukoll dak biex minnu jsir iż-żejt. Diġà hawn fis-suq Malti żebbuġ prodott lokalment filwaqt li hawn min diġà beda jipproduċi ż-żejt għalkemm fuq skala żgħira. Żied li f'pajjiżna hawn biżżejjed art, anki art mitluqa u żdingata, li tista' tintuża għat-tkabbir tas-siġar taż-żebbuġ fuq skala fejn tkun tista' tibda tintlaħaq parti sostanzjali mid-domanda lokali.
Il-Ministru Zammit semma li fil-mixtla li d-Dipartiment tal-Biedja għandu f'San Vinċenz de Paul bħalissa qed jitkabbru 7,000 xitla taż-żebbuġ imlaqqmin tal-mejda u taż-żejt li se jinbiegħu f'Jannar 2003. Fil-mixtla se jibqgħu jiġu mlaqqma eluf ta' siġar taż-żebbuġ kull sena.
Fl-istess mixtla tħawlu varjetajiet ta' żebbuġ tal-mejda u taż-żejt biex wieħed ikun jista' jara l-frott ta' varjetajiet differenti. Barra minn hekk, se jitħawlu siġar oħrajn biex jibdew jieħdu t-tilqim minnhom.
Il-Ministru Zammit ħeġġeġ biex ikompli jsir aktar tħawwil ta' siġar taż-żebbuġ u qal li d-Dipartiment tal-Biedja lest jagħti pariri fil-post mingħajr ħlas permezz ta' l-uffiċjali tiegħu. Fakkar ukoll li dan hu settur tal-biedja li qed jingħata attenzjoni u għajnuna kbira minn naħa ta' l-Unjoni Ewropea.
Filwaqt li semma li l-laqgħa tal-lum hi l-ewwel fost sensiela ta' laqgħat dwar siġar oħra, inklużi dawk tal-frott irqieq, ċitru u dwieli, il-Ministru Zammit wera l-apprezzament tiegħu għal dawn l-inizjattivi li qed jittieħdu mill-uffiċjali ta' l-Extension Service tad-Dipartiment. Hu qal li dawn l-uffiċjali tħarrġu wkoll barra minn Malta u anki marru jieħdu esperjenza f'għelieqi fl-Italja dwar iż-żabra, it-tilqim u l-mard tas-siġar.
Il-Ministru Zammit temm li dawn il-laqgħat huma interessanti ħafna biex l-uffiċjali tad-Dipartiment ta' l-Agrikoltura jaqsmu l-esperjenzi tagħhom mal-bdiewa u dilettanti li jkabbru s-siġar u ħeġġeġ lil dawk interessati biex jattendu dawn il-laqgħat.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN