Left arrow Go Back

SPINTA LILL-PRODUZZJONI TAL-ĠBEJNIET

pr1867
Date Icon 07/12/2001

Bħala parti mill-impenn tal-Gvern li jgħin b'kull mod possibbli fir-ristrutturar tal-biedja biex din tibqa' tkun sostenibbli, il-Gvern qed jaħdem biex tingħata spinta lill-produzzjoni tal-ġbejniet fuq bażi aktar professjonali. Għal dan l-iskop il-Gvern ta l-appoġġ tiegħu għat-twaqqif ta' assoċjazzjoni ta' dawk li jipproduċu l-ġbejniet u li diġà għandha madwar 80 membru.

Dan qalu l-Ministru għall-Agrikoltura u Sajd Ninu Zammit meta l-lejla żar il-Ġimgħa għall-Promozzjoni tal-Ġbejniet u qassam il-premjijiet lir-rebbieħa f'kompetizzjoni għall-aħjar ġbejniet. Din il-Ġimgħa, li qiegħda ssir f'Baystreet, Paceville, ġiet organizzata mill-istess assoċjazzjoni bl-iskop li tkabbar l-interess fil-konsum tal-ġbejniet.

Il-Ministru Zammit semma li t-tradizzjoni tal-ġbejniet ilha teżisti f'pajjiżna għal żmien twil u l-proċess,kemm tal-ġbejniet kif ukoll ta' l-irkotta, jidher li hu uniku.

Hu żied li għalkemm dawk li jipproduċu l-ġbejniet naqsu fl-aħħar snin, jidher li s-suq qed iwieġeb sew għat-titjib li qed ikun hemm kemm fil-kwalità tal-prodott kif ukoll fil-mod kif qed ikun ippreżentat lill-konsumatur. Qal ukoll li f'dan il-qasam qed tidher mentalità ġdida fejn l-istess produtturi tal-ġbejniet jitolbu huma stess biex isiru liġijiet u kodiċi ta' prattika ħalli jkun hemm aktar serjetà. Dan jawgura tajjeb għall-futur.

Il-Ministru Zammit qal li din il-mentalità ġdida qed twassal biex nibdew naraw aktar ġbejniet ippakkjati fis-supermarkets u fil-ħwienet tal-merċa. Il-pass li jmiss, kompla l-Ministru għall-Agrikoltura, hu li nibdew nisfruttaw ukoll is-suq kbir tat-turisti fostna billi nibdew naraw valur adittiv, bħal ġbejniet fiż-żejt taż-żebbuġ Malti u bil-bużbież Malti jew aromi oħra tal-gżejjer Maltin.

Hu irrifera wkoll għat-tisħiħ li sar f'dawn l-aħħar snin fil-merħliet tan-nagħaġ u l-mogħoż u li wassal biex inqered il-mard li kien ikun hawn. Hu qal li s-sena l-oħra kien hawn madwar 6,620 nagħġa jaħilbu li ipproduċew madwar 2,789 tunnellata ħalib. 2,118-il tunnellata minn dawn marru għall-produzzjoni ta' madwar 1,324 tunnellata ġbejniet. Madwar 10 fil-mija minnhom jitnixxfu u parti minnhom isiru bil-bżar. Il-ħalib tal-mogħoż imur l-aktar għall-produzzjoni tal-ħalib pasturizzat.

Semma wkoll li n-nagħaġ isebbħu l-ambjent u huma parti integrali ta' l-ekoloġija ta' pajjiżna. Dan il-fatt l-Unjoni Ewropea tirrikonoxxih u tgħinu u anki tara li dawn jiffurmaw parti mill-kwota nazzjonali tal-ħalib.

Il-Ministru Zammit żied li l-ħtieġa tar-ristrutturar qed tinftiehem tajjeb ukoll minn dawk li jrabbu n-nagħaġ tant li l-irziezet tan-nagħaġ qed jimmodernizzaw il-ħlib bil-mutur u fil-parlour u bdiet ħidma biex jissaħħaħ it-tmiegħ tagħhom billi jitkabbar magħlef apposta. Diġà saru l-provi b'suċċess fl-Għammieri dwar dan it-tip ta' magħlef, li jinkludi Italian Rye Grass, Alfalfa, forage beet u oħrajn.

Barra minn hekk, bħalissa qed isiru arranġamenti mad-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent ħalli jibda jsir użu minn karti użati bħala friex fil-postijiet fejn jitraqqdu l-annimali.

Fl-aħħarnett, il-Ministru Zammit awgura li tkompli tikber ukoll l-iġjene fl-irziezet u li l-produtturi tal-ġbejniet, permezz tal-għaqda tagħhom, jagħmlu huma stess il-marketing għall-prodotti tagħhom għax anki l-futur tagħhom hu wieħed sabiħ.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow