STQARRIJA MILL-ONOR. EDWIN VASSALLO, SEGRETARJU PARLAMENTARI FIL-MINISTERU GĦAS-SERVIZZI EKONOMIĊI - 500 LIĊENZJA TAN-NEGOZJU MAHRUĠA DIN IS-SENA
"Numru b'saħħtu ta' Liċenzji Ġodda għan-Negozju. Xhieda ta' Fiduċja fl-Iżvilupp Ekonomiku ta' Pajjiżna".
Huwa importanti li wieħed jara kif l-ekonomija ta' pajjiżna hija sejra. Huwa importanti wkoll li wieħed ikun jaf kif l-investituri fl-ekonomija ta' pajjiżna, l-imprendituri tagħna, qed iħarsu lejn din l-intrapriża kbira li jisimha Malta. Wieħed mill-aħjar kejl li għandna biex inkejlu din is-sitwazzjoni hi fil-fatt in-numru ta' liċenzji li qed jinħargu għal negozji ġodda.
Il-Pulizija, li sa' llum għadhom joħorgu huma l-liċenzji tan-nogozju, jirrappurtaw dawn il-figuri ta' liċenzji ġodda li nħarġu tul is-snin:
Sena Liċenzji tan-negozju
1996 542
1997 418
1998 388
1999 522
2000 536
2001 501 (sa' Novembru 2001)
Ma' l-ewwel daqqa t'għajn, wieħed mill-ewwel jinduna li l-effett ta' l-amminstrazzjoni qasira tal-Gvern precedenti kien li naqqsu n-numru ta' liċenzji ġodda għan-negozju, kif jidher fis-snin 1997 u 1998. Dawn reġgħu bdew jirpiljaw wara 1998.
Dawn huma liċenzji tan-negozji li huma meqjusa żgħar jew medji u li l-maġġoranza tagħhom huma fis-settur tal-bejgħ bl-ingrossa u bl-imnut u s-servizzi (wholesale and retail trade and services). Dan is-settur huwa wieħed importanti f'pajjiżna. Xhieda ta' dan hu l-fatt li dan hu t-tieni l-akbar settur li jimpjiega nies, wara dak tal-manifattura. Skond l-aħħar Labour Force Survey ta' Ġunju 2001 li ħareġ l-Uffiċċju Nazzjonali ta' l-Istatistika, is-settur tal-manifattura jimpjiega 21.4% tan-nies kollha li jaħdmu bi qliegħ u s-settur tal-wholesale, retail trade and services jimpjiega 14.5%.
Meta wieħed imbagħad iħares lejn l-istatistika dwar il-kummerċ għall-perjodu bejn Jannar u Settembru ta' din is-sena u jqabblu ma' l-istess perjodu tas-sena li għaddiet, l-importazzjoni ta' affarijiet għall-konsum (consumer goods) baqa' jiżdied: minn Lm200.7 miljun fl-2000 għal Lm203.3 miljun, i.e. żjieda ta' 1.3%. Dan hu xhieda li l-konsumatur Malti għandu jixtri u għandu jsostni l-ekonomija ta' pajjiżna. Il-Maltin mhux qed jibżgħu jixtru, mhux qed jibżgħu jonfqu l-flus.
Il-Quaterly Review għal Settembru 2001 li ħareg il-Bank Ċentrali, fil-parti tal-Business Perception Survey, igħid li ażjendi u ditti li huma orjentati lokalment fil-manifattura, dawk tal-bejgħ bl-ingrossa u bl-imnut u dawk fis-servizzi huma ottimisti dwar is-sitwazzjoni ekonomika tagħhom u wrew livell sodisfaċenti ta' attività.
Dan kollu juri li din l-intrapriża tagħna lkoll qed tkompli għaddejja b'ritmu inkoraġġanti. Għalkemm id-dinja bħalissa għaddejja minn perjodu ta' slowdown ekonomiku, pajjiżna qed jirnexxielu jirkeb din il-mewġa u ma jgħeriqx.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN