JUM DINJI TA' L-AIDS
Għalkemm f'Malta n-numru ta' persuni nfettati bl-HIV/AIDS mhux xi wieħed allarmanti, il-Gvern huwa konxju li pajjiżna jifforma parti minn dinja li aktar ma jgħaddi ż-żmien qegħda ssir aktar globalizzata b'konsegwenzi tajba u ħżiena li din il-globalizzazzjoni tista' ġġib magħha. Għalhekk permezz tad-Dipartimnet għall-Promozzjoni tas-Saħħa, il-Gvern huwa kostantement impenjat b'kampanji informattivi u ta' prevenzjoni dwar din il-marda.
Dan qalu l-Ministru tas-Saħħa Louis Deguara meta flimkien ma'uffiċjali mid-Dipartiment għall-Promozzjoni tas-Saħħa kien qiegħed jindirizza konferenza ta' l-aħbarijiet fl-okkażjoni tal-World Aids Day. Din is-sena l-kampanja għandha s-suġġett 'I care… do you?'.
F' Ġunju ta' din is-sena, waqt sezzjoni ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti ddedikata għall-HIV/AIDS, ħareġ li preżentement fid-dinja hawn 36 miljun ruħ infettati bl-HIV/AIDS, filwaqt li s'issa din il-marda kkawżat il-mewt ta' 22 miljun.
In-Nazzjonijiet Uniti qegħdin iħeġġu lill-mexxejja influwenti f'kull livell tas-socjetà biex jagħtu sehemhom biex nikkumbattu din il-marda permezz ta' żieda fir-riżorsi umani, kif ukoll finanzjarji. L-aħjar mod kif tiġġieled din il-marda huwa permezz tal-prevenzjoni b'tagħlim u informazzjoni kif ukoll aktar importanti f'imġieba sesswali responsabbli bejn il-bnedmin.
Fil-bidu tas-sena 2000 il-gvern fetaħ il-GU Clinic biex tittratta każi ta' mard trasmess sesswalment. Barra minnhekk inħasset il-ħtieġa li jkollna nies imħarrġa f'dan il-qasam. Illum id-Dipartiment għall-Promozzjoni tas-Saħħa għandu s-servizzi ta' Health Promotion Officer li ntbagħat l-Ingilterra biex jistudja u jieħu esperjenza f'dan il-qasam. Illum din il-persuna għandha rwol importanti li sservi ta' ħolqa bejn ix-xogħol ta' prevenzjoni tad-Dipartiment għall-Promozzjoni tas-Saħħa u l-GU Clinic.
Il-GU Clinic stabilixxiet ruħha sew bħala klinika fejn wieħed jista' jmur u taħt kunfidenzjalità assoluta, jiġi eżaminat u mogħti pariri dwar saħħtu. Kemm ilha mwaqqfa l-klinika, madwar 700 ruħ irrikorrew għas-servizzi li din toffri.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN