"INQAS MILI TA' FORMOLI TAL-VAT U TAT-TAXXA" - IS-SEGRETARJU PARLAMENTARI EDWIN VASSALLO
Permezz ta' dan il-Budget il-Gvern beda juri bl-iżjed mod prattiku l-impenn tiegħu għas-simplifikazzjoni ta' proċeduri li maż-żmien setgħu ħolqu kumplikazzjoni fil-ħajja tan-negozju. Il-Gvern huwa mpenjat li jagħmel il-ħajja iżjed faċli għal min qiegħed fil-kummerċ u speċjalment għal min huwa żgħir. F'dan il-budget, il-Ministru tal-Finanzi ħabbar li d-Dipartiment tal-VAT u tat-Taxxi Nterni ser jissimplifikaw ħafna mill-proċeduri tagħhom.
Il-miżuri li tħabbru fil-budget ser ikunu ta' għajnuna għaliex l-imprendituri qed jitnaqqsilhom iż-żmien li fih kienu jkunu mitluba li jimlew il-formoli tat-Taxxa u tal-VAT b'mod regolari. Dawn, jekk iridu, jistghu jilħqu ftehim mad-Dipartimenti msemmija, li jkun jorbot għall-perjodu ta' tlett snin. Permezz tiegħu, jsir qbil fuq l-ammont ta' taxxa li ghandha titħallas kull sena.
Ftehim bħal dan bejn l-imprenditur u d-Dipartiment, ser isir skond it-turnover u l-qliegħ li jkun maqbul bejniethom. Għall-fini ta' l-Income Tax, l-imprenditur xorta jibqagħlu l-obbligu li jagħmel id-dikjarazzjoni tat-taxxa darba fis-sena. Din il-miżura ser tgħin biex min japplika għaliha jkun jaf minn qabel kemm hija t-taxxa u l-Vat li jkun mistenni li jħallas. Għal min qiegħed fin-negozju din il-miżura hija ta' għajnuna għaliex ser ikun jista' jaqbel fuq kemm għandu jħallas VAT u taxxa.
Ghal ġid ta' kull min qiegħed fin-negozju, dawn il-miżuri m'għandhomx jinftehmu li issa xi ħadd ser ikollu d-dritt li ma jżommx il-kotba tan-negozju tiegħu. Dan hu obbligu importanti fih innifsu, għax l-informazzjoni dwar kif qieghed jizviluppa n-negozju hija utli ghall-istess imprenditur biex jorganizza n-negozju tieghu bl-ahjar mod.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN