ĦARSIEN TAL-WIRT STORIKU TA' PAJJIŻNA
Meta kien qed izur xoghol ta' restawr li qed isir fil-kampnar tal-Knisja l-Qadima ta' Santa Marija f'Birkirkara, il-Ministru għall-Ambjent Francis Zammit Dimech qal li l-Gvern qed jagħti importanza dejjem akbar lill-ħarsien tal-wirt storiku ta' pajjiżna. Hu qal li fi ħdan il-Ministeru ghall-Ambjent kien hemm żewġ taqsimiet li kienu jagħmlu xogħol ta' restawr u riabilitazzjoni: it-Taqsima tar-Restawr u l-Proġett ghar-Riabilitazzjoni tal-Belt Valletta, il-Kottonera u l-Imdina. Hu qal li filwaqt li l-Proġett ghar-Riabilitazzjoni tal-Belt Valletta, il-Kottonera u l-Imdina jieħu ħsieb xogħol ta' riabilitazzjoni u restawr fis-sitt ibliet fortifikati ta' Malta, it-Taqsima tar-Restawr fi ħdan il-Ministeru għall-Ambjent kellha ħidma aktar mifruxa madwar Malta kollha.
Il-Ministru għall-Ambjent qal li kemm il-Proġett għar-Riabilitazzjoni tal-bliet Maltin kif ukoll it-Taqsima tar-Restawr kellhom flus ivvutati apposta għalihom. Bejniethom dawn kienu jinghataw aktar minn miljun lira fis-sena biex iwettqu progetti ta' restawr u riabilitazzjoni. Il-Ministru Zammit Dimech fakkar li fl-aħħar ħames snin dawn iż-żewġ taqsimiet bejniethom wettqu b'madwar Lm5 miljun ta' xogħlijiet b'risq il-wirt storiku ta' pajjiżna.
Il-Ministru qal li dan l-infiq ma jinkludix xogħol ta' restawr fuq proġetti ewlenin bħal dak li sar fil-Kavallier ta' San Gakbu, fejn intefqu aktar minn Lm4 miljun oħra biex dan il-post inbidel f'Ċentru għall-Kreattitività li qed jagħti sehem importanti fl-iżvilupp kulturali ta' pajjiżna.
Il-budget li għadu kif tħabbar ukoll jaħseb f'investiment ta' Lm1,050,000 għal restawr u riabilitazzjoni fl-2002. Hu fakkar li tul is-sena li ġejja l-Ministeru għall-Ambjent se jissokta bi proġetti fil-Belt Valletta u l-Floriana, fejn se jigu riabilitati l-Barrakka ta' Fuq u l-Barrakka t'Isfel, se jsir il-bini mill-ġdid tal-Gardjola f'Hastings, it-tkomplija tax-xogħlijiet tar-restawr tal-frescos ta' Paladini u D'Aleccio fil-Palazz Presidenzjali, ir-restawr tal-fresco fid-daħla ta' l-istess Palazz, it-tkomplija tar-restawr tal-Knisja tal-Ġiżwiti u l-Knisja tal-Vitorja, l-upgrading tal-Mall fil-Floriana, u quddiem il-lukanda Phoenicia kif ukoll ir-restawr tal-Knisja ta' Sarria.
Fil-Kottonera fost il-ħafna xoghlijiet li se jitwettqu se jkun hemm il-pavimentar tal-belvedere u ta' l-inħawi tal-Collacchio fil-Birgu, il-pavimentar ta' Misrah Paolino Vassallo f'Bormla u Triq is-Sur fl-Isla, ir-restawr tal-kappella tas-Salvatur fil-Kalkara. Il-Ministru qal li kien jittama li l-ħafna proġetti ta' restawr li nbdew matul din is-sena jitlestew ukoll, biex il-Kottonera tkompli tingħata d-dinjità li jixirqilha. Il-Ministru qal li fl-Imdina se jitkompla x-xoghol li nbeda bit-tkomplija tat-tnehhija tal-wires, id-dwal mas-swar, l-upgrading tas-sistema interna tad-dawl u l-pavimentar tat-toroq.
Il-Ministru ghall-Ambjent qal li l-Unit għar-Restawr is-sena d-dieħla se jkompli jwettaq, jew se jibda jwettaq aktar minn 60 proġett ta' restawr li jinkludu xogħol fil-Palazz Presidenzjali, l-Auberge de Baviere fil-Belt, l-Ospizio fil-Floriana, il-batterija ta' Pembroke, it-Torri ta' San Tumas f'Marsascala, il-Mina ta' Santa Liena, il-Mina tal-Polverista u s-swar ta' Santa Liena f'Bormla, Couvre Porte, il-mina ta' Notre Dome, il-Monasteru ta' Santa Skolastika, il-Mużew Marittimu u s-sur ta' San Gwann fil-Birgu u l-mina ta' Sant'Anna fl-Isla. Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li kien qed jitkompla xoghol ta' restawr fuq il-Victoria Lines kif ukoll dak tal-fortifikazzjonijiet ta' l-Imdina.
Il-Ministru ghall-Ambjent qal li kien ta' pjacir ghalih li kien qed iżur il-Knisja l-Qadima, Santa Marija, f'Birkirkara. Qal li din il-Knisja kienet ġojjel arkitettoniku mill-aktar importanti. Fakkar li tul l-aħħar snin kienet saret ħidma kbira ta' restawr biex din il-Knisja setgħet inġiebet lura għall-istat oriġinali tagħha. Bhalissa kien qed isir xogħol ta' restawr tal-kampnar u l-Ministeru għall-Ambjent intalab jagħti kontribut billi jħallas għax-xogħol ta' scaffolding, kontribut li ngħata bil-qalb.
Il-Ministeru għall-Ambjent huwa onorat li qed jagħti sehemhu fil-ħarsien tal-wirt storiku ta' pajjiżna. Hu appella biex dak li ħallewlna missirijietna mhux talli ma nagħmlulux ħsara, kif kien jiġri minn żmien għall-ieħor meta jitwettqu atti vandali, iżda nħarsuh ħalli nħalluh aħjar milli sibnieh.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN