RIFORMA FIS-SERVIZZI FARMAĊEWTIĊI FL-ISFOND TAR-RIFORMI FIL-QASAM TAS-SAĦĦA
Għal din is-sena l-Gvern qiegħed jivvota 13.5 miljuni għall-mediċini. Il-Gvern irid jiżgura li filwaqt li jipprovdi servizz ta' kwalità fil-qasam tal-mediċini jrid jimpenja ruħu li flus il-poplu jiġu wżati b' mod għaqli u mingħajr ħela. Għal dan il-għan il-Gvern anki fil-qasam tal-mediċini qiegħed iwettaq riforma mill-qiegħ bħala parti minn riforma sħiħa fil-qasam tas-saħħa fejn id-Diviżjoni tas-Saħħa se tieħu rwol ta' regolatur tas servizzi.
Dan qalu l-Ministru tas-Saħħa Louis Deguara fil-ftuħ ta' seminar ta' jumejn organizzat mill-Medicines Regulatory Unit fi ħdan id-Diviżjoni tas-Saħħa bis-suġġett 'Patents, Intellectual Property, Market Authorisation for Medicines'. Għal dan is-seminar ġew mistiedna Dr William Tyrrell li huwa membru taċ-Chartered Institute of Patent Agents Biotechnology Committee kif ukoll Ms Rosemary Derbyshire li għandha esperjenza vasta f'dan il-qasam.
Fil-qasam tal-mediċini kienet ilha tinħass il-ħtieġa ta' riforma. Matul l-aħħar sena sar eżerċizzju intensiv biex il-funzjonijiet regolatorji u dawk operattivi jiġu totalment separati. Kien għalhekk li f'Lulju ta' din is-sena twaqqfet il-Medicines Regulatory Unit. L-aspetti operattivi kollha u l-għoti ta' servizzi baqgħu taħt ir-responsabilità tas-Servizzi Farmaċewtici tal-Gvern, filwaqt li l-Medicines Regulatory Unit taħt id-Diviżjoni tas-Saħħa, għandha l-inkarigu li tipprepara s-sistemi meħtieġa għat-twaqqif ta' Awtorità Regolatorja għall-Mediċini. Din l-Awtorità għandha tieħu ħsieb li Malta tkun tista' taddotta liġijiet Ewropej f'dak li għandu x'jaqsam mar-regolamenti dwar mediċini u attivitajiet farmaċewtiċi. Il-Medicines Regulatory Unit tista titqies il-prekursur ta' l-Awtorità tal-Mediċini.
Il-Ministru qal li l-viżjoni fil-qasam tas-saħħa hi dik li jiġu mwaqqfa aktar sistemi professjonali u kontabbli ta' management biex jiffaċilitaw it-teħid f'qasir żmien ta' deċizjonijiet effettivi u effikaċi. Dan jista' jiġri billi jinbidel ir-rwol tad-Diviżjoni tas-Saħħa li issa se jkun responsabbli mit-tfassil ta' policies, pjanar strateġiku, iffissar ta' standards, monitjar u evalwazzjoni. Dan kollu se jiġi rifless fl-Att dwar Professjonijiet relatati mas-Saħħa li għandu jitressaq quddiem il-Parlament is-sena d-dieħla.
Il-Gvern qiegħed ukoll jieħu pariri mingħand aġenziji barranin stabbiliti f'dan il-qasam.
Għal dawn l-aħħar xhur konna mpenjati f'negozjati għall-ftehim mal-Medicines Control Agency ta' l-Ingilterra u hu ppjanat li dawn in-negozjati jkunu konklużi fi żmien qasir. Qegħdin infittxu wkoll sħab oħra minn aġenziji Ewropej, kompla jgħid il-Ministru.
Il-Ministru tenna li l-isfidi li għandna quddiemna f'dan il-qasam m'humiex żgħar. Is-seminar li għalih qegħdin jattendu dawk kollha li għandhom x'jaqsmu mal-qasam farmaċewtiku huwa għodda siewja biex dawk involuti jaqsmu flimkien ideat u esperjenzi kemm min-naħa tar-regolatur, kif ukoll minn dik tar-regolati. Inizjattivi bħal dawn isaħħu r-rabta li għandu jkun hemm bejn l-awtoritajiet regolatorji, l-industrija u l-professjonisti involuti fl-attività farmaċewtika ta' pajjiżna.
Nemmnu bis-sħiħ li r-riforma f'dan il-qasam se tissarraf f'ġid għall-pazjent temm jgħid il-Ministru tas-Saħħa.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN