SEMINAR KONĠUNT BEJN IL-KUMITAT KOORDINATTIV LEONARDO DA VINCI (FI ĦDAN IL-EUROPEAN UNION PROGRAMMES UNIT, MINISTERU TA’ L-EDUKAZZJONI) U L-AKKADEMJA TA’ NIZZA FI FRANZA
Grupp ta’ 24 Maltin esperti fl-edukazzjoni vokazzjonali, u sħab soċjali (trejd unjonisti u min iħaddem) flimkien ma’ uffiċjali mill-Kumitat Koordinattiv Leonardo da Vinci, aktar tard din il-ġimgħa sejrin Toulon, Franza, għal seminar ta’ jumejn. Dan is-seminar qed ikun organizzat bejn Malta u Franza fi ħdan il-programm Leonardo da Vinci tal-Unjoni Ewropea, fuq inizjattiva konġunta bejn il-General Workers Union u t-Taqsima Programmi ta’ l-Unjoni Ewropea.
Dan is-seminar konġunt ser ikollu żewġ skopijiet:
- Biex jagħti opportunita` lill-esperti Maltin li jaraw mill-qrib l-aktar sistemi u apparat riċenti fl-edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali fi Franza;
- Biex jiffaċilita li l-kulleġġi u industriji vokazzjonali Maltin jibnu networks ma’ kulleġġi u industriji Franċizi u jorganizzaw skambji bejn studenti, għalliema u ħaddiema ohra Franċiżi u Maltin taħt il-Mobility Measure tal-programm Leonardo da Vinci.
Il-parteċipanti Maltin se jiltaqgħu ma’ kapijiet ta’ kulleġġi u industriji Franċiżi kif ukoll iżuru dawn il-kulleġġi Franċiżi li għandhom jgħinuhom japplikaw it-tagħlim u l-apparat użat b’mod li jaġġornaw l-kurrikulu u t-taħriġ għal benefiċċju ta’ l-istudenti u l-ħaddiema tagħhom.
Dan is-seminar mistenni li jkun segwit b’seminar ieħor f’Malta.
Dan is-seminar seta jseħħ billi Malta issieħbet fil-programm tal-Unjoni Ewropea, Leonardo da Vinci. Malta bdiet tieħu sehem f’dan il-programm f’Jannar 2000 u s’issa Malta ħadet dawn il-benefiċċji:
- 191 student, għalliem u ħaddiem ħadu sehem f’mobility projects matul l-2000-2001. Il-parteċipanti f'dan il-programm ibbenefikaw minn madwar 600 ġimgħa ta’ taħriġ vokazzjonali. L-esperjenza ta’ dawn il-mobility projects żgur li ser ittejjeb it-taħriġ vokazzjonali ta’ dawn iż-żgħażagħ, ħaddiema u għalliema.
- 10 esperti fl-edukazzjoni vokazzjonali ħadu sehem f’seminars fl-Ewropa dwar diversi speċjalitajiet fl-edukazzjoni vokazzjonali.
- Skola ta’ l-Ingliż f’Malta ngħatat fondi biex twettaq proġett fil-qasam vokazzjonali b’kooperazzjoni ma’ pajjiżi oħra membri u applikanti tal-Unjoni Ewropea fosthom Franza, Ingilterra u l-Ungerija.
Il-grupp Malti se jinkludi:
2 uffiċjali tal-European Union Programmes Unit;
14-il Kap ta’ skejjel u kulleġġi vokazzjonali;
3 rappreżentanti tat-trejd unions (GWU u UHM);
5 rappreżentanti ta’ industrijalist Maltin.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN