DĦUL TA' LM27.5 MILJUN GĦALL-GVERN TUL IL-PERIJODU TAL-KUNTRATT
F'diskors li ghamel meta gie ffirmat il-kuntratt bejn il-Gvern u l-Konsorzju VISET ghal ghoti ta' l-art fejn ser jinbena' l-Valletta Cruise Passenger Terminal, il-Ministru għall-Ambjent Francis Zammit Dimech qal li dan kien l-ewwel kuntratt ta' din l-entita' li fih il-Gvern kien se jieħu parti mill-qligħ minbarra ċ-ċens li l-konsorzju se jħallas kull sena lill-Gvern.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li minn dan il-kuntratt il-Gvern se jieħu
- Lm1,200,000 f'ishma preferenzjali. Il-Gvern jista' jifdi dawn l-ishma fl-ewwel ħames snin.
Kera ta' Lm240,000 fis-sena li titħallas f'żewġ partijiet kull sitt xhur. Iċ-ċens jiġi rivedut fil-bidu ta' l-14-il sena tal-kuntratt jew b'żieda ta' 20 fil-mija jew b'dak l-ammont li juri l-indiċi ta' l-inflazzjoni, liema waħda mimnn dawn l-alternattivi tkun l-ogħla. Wara l-ewwel 14-il sena ċ-ċens jibqa' jiġi rivedut bl-istess mod kull ħames snin bl-iskop li l-Gvern jiggarantixxi li d-dħul tiegħu jirrifletti il-valur tal-flus 'il quddiem. Dan ifisser illi l-Gvern matul il-perijodu tal-kuntratt se jkollu dħul minimu ta' Lm27.5 miljun.
Il-Gvern se jirċievi ukoll mill-konsorzju ħlasijiet f'kull l-aħħar tas-sena li jammontaw għal 15 fil-mija mill-kera ta' bini u faċilitajiet u ta' 10 fil-mija mid-dħul li jkollu l-konsorzju mill-passiġġieri u l-cruise liners u attivitajiet oħra li jwettaq il-konsorzju. Dawn il-ħlasijiet iżda jitnaqqsu miċ-ċens imħallas. Se jkun hemm minimu li jiġi stabbilit irrispettivament mit-total tal-profitti ġenerati.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech fakkar li l-Gvern intrabat li jgħaddi l-art lill-konsorzju libera u franka u ghalhekk ried li jilhaq ftehim u jasal biex jiffirma l-kuntratti ma' kumpanniji u individwi li l-bini jew l-art tagħhom se jintlaqtu mill-kuntratt qabel l-iffirmar tal-kuntratt mal-VISET il-lum. Hu qal li din il-kwestjoni kienet waħda problematika għaliex riedu jsiru negozjati twal, u kultant iebsa, ma' sidien privati ta' proprjeta'.
Hu qal li s-sitwazzjoni ġiet aktar komplikata minħabba li bini u art privata nkrew lil terzi li l-parti l-kbira minnhom kienu qed jużawhom għan-negozju. Fil-proċess tan-negozjati ġie assigurat li l-akkomodazzjoni alternattiva lil terzi għandha l-istess specifikazzjonijiet daqs l-akkomodazzjoni li kellhom, li tħares fuq il-baħar u li tinkludi post għal magazinagg biex hekk is-sidien privati u min qed jikri ma jintlaqtux negattivament mill-iżvilupp. Ġie miftiehem ukoll li l-Konsiorzju jibni blokk ta' akkomadazzjoni fuq pjanti miftiehma bejn il-Gvern u s-sidien privati.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li l-perijodu li għalih kienet qed tingħata l-art b'ċens lill-konsorzju kien ta' 65 sena. Hu qal li l-konsorzju kien qed jingħata l-bini u l-art miftiehma fil-kuntratt iżda li dawn kienu jeskludu l-mollijiet, il-kappella u s-substation ta' l-elettriku.
Il-Ministru għall-Ambjent qal li dan il-proġett, li kien jinvolvi investiment ta' mill-inqas Lm10 miljun, kien se jwassal biex il-pajjiż ikollu Cruise Terminal u Sea Passenger Terminal mill-aktar moderni li għandhom iwasslu biex Malta tkabbar l-importanza tagħha bħala ċentru għall-cruise liners, li mhux biss jidħlu f'pajjiżna għal ftit sigħat iżda li jibdew jużaw ukoll Malta bħala home port għall-cruise liners.
Francis Zammit Dimech qal li l-proġett kollu tal-Valletta Cruise Terminal se jieħu erba' snin biex jitlesta. Ix-xogħol ta' restawr, il-blokk biex jakkomoda terzi, il-car parks, l-uffiċji tad-Direttorat tal-Port fi ħdan l-Awtorita' Marittima kif ukoll il-faċilitajiet tal-moll iridu jitlestew fi żmien 18-il xahar. Il-Cruise Passenger Terminal u t-triq iridu jitlestew fi żmien sentejn filwaqt li l-aħħar sentejn għandhom ikunu dedikati għall-bini ta' ferry terminal, is-sala tal-bagalji u għall-bini li se jsir ġewwa Pinto Stores u Forni Stores.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN