IMNIEDA ŻEWĠ QUALITY SERVICE CHARTERS OĦRA GĦAL GĦAWDEX
L-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex, dalgħodu ġiet ippreżentata bil-kopji taż-żewġ Quality Service Charters f'ċerimonja li saret fl-Isptar Ġenerali t'Għawdex. Dawn iċ-charters, dak tad-Dipartiment ta' l-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t'Għawdex u taċ-Ċentru tas-Saħħa Victoria huma l-aħħar tnejn li ġew maħruġa, sabiex issa b'kollox hemm 35 dipartiment jew taqsima li ppublikaw il-Quality Service Charter tagħhom minn meta tnediet l-inizjattiva sentejn ilu. Tmienja (8) minn dawn huma fil-fatt f'Għawdex.
L-introduzzjoni ta' Quality Service Charter hija konferma uffiċċjali ta' l-impenn tal-Gvern illi jtejjeb il-kwalita` ta' servizz li jingħata mid-dipartimenti tiegħu. Dan bil-għan illi l-klijent jieħu l-ogħla livell ta' servizz, fl-iqsar ħin possibbli. Illi fl-okkażjoni ta' dalgħodu ġew introdotti l-Quality Service Charters f'żewġ dipartimenti tas-saħħa f'Għawdex juri bis-sħiħ l-impenn tal-Ministeru għal Għawdex lejn qasam ta' mportanza liema bħalha.
Fid-diskors tagħha waqt iċ-ċerimonja il-Ministru tkellmet fuq ix-xogħol li wettaq il-Gvern matul dawn l-aħħar tlett snin għat-tisħiħ tas-servizzi tas-saħħa f'Għawdex. "Matul dawn l-aħħar tlett snin fittixna li ntejbu l-livelli ta' kura tas-saħħa offruta hawn Għawdex anke permezz tat-twaqqif tal-Kunsill tas-Saħħa għal Għawdex. Fittixna li nipprovdu servizzi ġodda li jeliminaw għal kollox inkonvenjenti ta' traġitti żejda għal pazjenti li kien ikollhom jaqsmu lejn Malta għall-kura essenzjali.
Żidna n-nefqa ta' flus għall-Isptar Ġenerali t'Għawdex - b'iktar minn kwart ta' miljun lira fl-ewwel sena ta' amministrazzjoni, u kważi b'nofs miljun lira fuq is-snin 1996 u 1997 f'din l-aħħar sena. Wettaqna xogħlijiet estensivi ta' manutenzjoni u kostruzzjoni f'diversi naħat ta' l-Isptar u ftaħna wkoll kliniċi ġodda għall-benefiċċju tal-pazjent Għawdxi. Waqqafna l-ewwel Renal Unit għal Għawdex u bnejna Isolation Unit ġdida. F'din l-aħħar sena kabbarna ukoll is-sezzjoni tal-Outpatients u ftaħna klinika ġdida tal-Podoloġija. Kabbarna wkoll id-dipartiment tal-Medical Records għal iktar effiċjenza fit-tmexxija ta' l-isptar, stallajna units ta' airconditioning fis-Swali tal-Maternita', tan-Nisa u ta' l-Irġiel, komplejna bil-pjan ta' refurbishment fid-Dipartiment ta' l-Emerġenza u bdejna bix-xogħlijiet meħtieġa fit-twettieq tal-proġett tar-Residenza Anzjani Nisa.
F'dawn l-aħħar snin bdejna noffru wkoll servizzi ġodda bħal dak ta' tiswija ta' apparat f'Għawdex stess għal persuni neqsin mis-smiegħ, ta' Acupuncture, ta' Nutritionist u ta' Orthodontist anke permezz ta' ħruġ ta' applikazzjonijiet għal personnel speċjalizzat sabiex insaħħu s-servizzi eżistenti u noffru oħrajn ġodda".
Il-preżentazzjoni ta' dalgħodu tkompli ssaħħaħ is-servizz tas-saħħa fil-gżira.
Il-Quality Service Charters jagħtu garanzija ta' servizz ta' kwalita' għal dawn iż-żewġ ċentri ewlenin tas-saħħa fil-gżira t'Għawdex. Huma wkoll dikjarazzjoni ta' impenn dejjem iktar favur il-pazjent f'Għawdex mhux biss permezz ta' servizz tas-saħħa kif għandu jkun imma anke permezz ta' provvista ta' informazzjoni ċara u korretta dwar dak kollu relatat mas-servizzi offruti minn dawn is-sezzjonijiet konċernati. "Aħna sejrin nevalwaw kontinwament din l-esperjenza biex barrra li nkunu ċerti li dak li wegħdna qegħdin inwettquh isservina wkoll biex nippreparaw Charters oħra għad-diversi Dipartimenti li jagħmlu parti minn dan l-Isptar" ikkonferma s-Supritendent Mediku ta' l-Isptar Ġenerali t'Għawdex, Dr. Anthony Livori.
Bil-ftuħ taċ-Ċentru tas-Saħħa tal-belt Victoria fl-1991 l-kura primarja f'Għawdex imxiet pass ieħor 'l quddiem. Matul dawn l-aħħar għaxar snin d-domanda għal servizzi offruta minn dan iċ-ċentru kompliet tiżdied tant li fejn fl-1991 kienu 19,551 ruħ li għamlu użu minn dan is-servizz, dawn żdiedu għal 56,265 fis-sena 2000, żieda ta' iktar minn 187%. Is-Sur Alfred Xerri, Deputy Nursing Officer Ċentru tas-Saħħa Victoria, stqarr illi "it-twaqqif ta' Quality Service Charter għal dan iċ-Ċentru tas-Saħħa f'Għawdex jawgura iktar klijenti u allura, pazjenti sodisfatti b'servizz ta' kwalita' garantit".
Dawn il-linji ta' gwida jqegħdu fuq quddiem nett id-dritt tas-servizz - li jkun wieħed fil-ħin u konvenjenti filwaqt li jkun effettiv, ekonomiku u effiċċjenti; servizz li jkun indirizzat lejn il-pazjent Għawdxi f'Għawdex stess, bil-bżonnijiet u n-neċessitajiet tiegħu fuq quddiem nett, imsejsa fuq impenn sħiħ bejn min jipprovdi u min jagħmel użu mis-servizz.
Preżenti għall-okkażjoni kien hemm ukoll is-Sur Joe R. Grima li rringrazzja liż-żewġ dipartimenti konċernati talli laqgħu l-isfida ewlenija li jipprovdu servizz ta' kwalita', filwaqt li awgura li iktar dipartimenti Governattivi jadottaw l-implimentazzjoni ta' Quality Service Charters.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN