Left arrow Mur Lura

DISKORS TA' L-ONOR. GIOVANNA DEBONO, MINISTRU GĦAL GĦAWDEX, FL-OKKAŻJONI TA' L-INAWGURAZZJONI TAL-FESTIVAL OF EUROPEAN ISLANDS CULTURES - PJAZZA INDIPENDENZA - VICTORIA. Il-Ħamis,15 ta' NOVEMBRU 2001

pr1704
Date Icon 15/11/2001

Onorevoli Prim Ministru, Mr Speaker, Onorevoli Deputati, Sur Sindku tal-Belt Victoria, Sinjuri,

Din il-Pjazza propju fil-qalba tal-belt prinċipali ta' gziritna kellha x-xorti li tara u tassisti għal avvenimenti u ġrajjiet kbar li kitbu uħud mill-paġni glorjużi ta' l-istorja Għawdxija. L-okkazjoni li għaliha nġbarna hawn dalgħodu żgur li għad tkun inkluża f'din in-nisġa storika tal-ġrajjiet li jagħtu u jsawwru l-identità kulturali u soċjali ta' poplu żgħir bħal tagħna.

Inħoss li l-gżira Għawdxija llum hija xxurtjata li propju ftit wara l-ħolqien ta' dan il-Festival Kulturali tal-Gżejjer Ewropej, ser tospita t-tieni edizzjoni ta' dan il-festival. Kien propju fuq proposta magħmula minni stess f'isem il-Ministeru għal Għawdex, waqt laqgħa tal-Konferenza tar-Reġjuni Marittimi u Periferali li nibtet l-idea ta' dan il-Festival Kulturali.

Wara li twaqqaf steering committee magħmul minn rappreżentanti tal-gżejjer kollha parteċipanti, mill-ewwel ingħata bidu għal ħidma preparatorja u ko-ordinattiva biex din l-inizjattiva issir realtà. Ħidmet dan il-kumitat li fih Għawdex kellu sehem attiv ħafna ma damx ma ta r-riżultati tiegħu u propju f'Ġunju li għadda fil-gżira Griega ta' Lefkada saret l-ewwel edizzjoni tal-Festival.

F'dan il-Festival, Għawdex kien rappreżentat mill-Kor Gaulitanus li kienu ambaxxaturi denji ta' gżiritna u tal-patrimonju kulturali tagħna speċjalment fil-qasam tal-kant. Għalkemm il-Festival ta' Kulturi ta' Gżejjer Ewropej għadu fl-infanzja tiegħu, diġà jidhru sinjali li mhux biss ser jiżviluppa f'avveniment annwali fil-kalendarju kulturali tagħna, iżda wkoll f'attività unika għal gżira Għawdxija. Għalkemm il-ħidma organizzativa għal din l-edizzjoni li qed ninawguraw illum ilha li bdiet xhur ilu, nixtieq ninnota b'soddisfazzjon l-entużjażmu u l-interess li bih ntlaqgħet din il-proposta minn għadd ta' gruppi u organizzazzjonijiet kulturali Għawdxin. Bi pjaċir inħabbar li matul it-tlett ijiem li ġejjin ser nassistu għal programm imżewwaq ta' attivitajiet bis-sehem ta' mhux inqas minn sitt baned, tlett korijiet, żewġ gruppi ta' żfin folkloristiku u grupp ieħor ta' żfin kontemporanju.

B'din il-parteċipazzjoni nħossu li nkunu qegħdin nesperjenzaw ftit mit-tlett aspetti fundamentali ta' kull kultura popolari - il-kant, il-mużika u ż-żfin. Nixtieq nieħu din l-okkażjoni sabiex f'ismi u f'isem il-Ministeru għal Għawdex nirringrazzja lid-diriġenti u l-kumitati ta' l-għaqdiet u gruppi parteċipanti tal-koperazzjoni tagħhom b'riżq is-suċċess ta' dan il-Festival. Il-Ministeru għal Għawdex ser jibqa' mpenjat biex permezz ta' inizjattivi bħal dawn jagħti iktar opportunitajiet lil dawk kollha involuti fil-qasam kulturali sabiex igawdi minn esperjenzi simili sew fi gżiritna kif ukoll f'pajjiżi barranin.

Ma nistax ma nsemmix is-suċċess fir-rata ta' parteċipazjoni f'din l-edizzjoni tal-Festival, u ma nsemmix is-sehem li ser jagħtu f'dawn il-ġranet il-ħames gruppi barranin minn mhux inqas minn tliet gżejjer Ewropej. Qed nirreferi għal gruppi mill-gżira ta' Sardegna, Sqallija u mill-Gżejjer Griegi. Żgur li s-sehem ta' dawn il-parteċipanti barranin huwa l-bidu ta' għan ieħor li għandhom dawn il-Festivals - l-għan li jservu wkoll ta' attrazzjonijiet turistiċi partikolarment fi żminijiet mhux daqstant popolari mat-turisti. Il-Ministeru għal Għawdex huwa impenjat flimkien mal-Gozo Tourism Association, sabiex jaħdem favur strateġija ta' promozzjoni partikulari għal gżiritna. Promozzjoni li tivvalorizza iktar il-patrimonju rikk tal-kultura storika, popolari u ambjentali ta' gżiritna u li tgħin biex Għawdex ikun destinazzjoni b'timbru kulturali li jattratta turisti ta' kwalità iktar milli ta' kwantità. Bħala parti minn dan il-Festival din it-tema ta' turiżmu kulturali ser tiġi żvolta fid-dettal propju għada matul il-konferenza tal-Gozo Tourism Association bis-sehem ta' delegati barranin mill-gżejjer parteċipanti.

Nieħu din l-okkażjoni biex nirringrazzja lill-Onorevoli Prim Ministru talli aċċetta l-istedina tagħna sabiex jonorana bil-preżenza tiegħu u jinawgura dan il-Festival. Nixtieq nirringrazzja wkoll mill-ġdid lill-Kumitat ko-ordinattiv tal-Festival, lit-Taqsima tal-Kultura fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex, lit-Taqsimiet l-oħra kollha tal-Ministeru li għenu u kkoperaw fil-ħidma preparatorja tal-festival u l-aħħar u mhux l-inqas lilkom il-parteċipanti kollha li bis-sehem tagħkom qed tagħmlu dan il-festival realtà.

Permit me to conclude my short message this morning in English, to rise to the occasion and welcome all our foreign guest participatns who have travelled from their respective islands to participate in this edition of the Festival of Islands Cultures. Being islanders too, we can realize the hardships and long travelling hours you had to experience till arriving here in Gozo. In fact due to such difficulties the three participating groups from the Greek islands will be arriving in Gozo early tomorrow morning. On behalf of the Gozitan people I sincerely augur that your stay here in Gozo and your participation in this festival will turn out to be an unforgettable experience of our warm hospitality, our particular culture and our unique friendship. I augur that this second edition of the Festival of Islands Cultures will prove to be yet another step towards further co-operation in cultural and other sectors experienced by European islands.

Grazzi ħafna.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

Aktar Stqarrijiet Right arrow