Left arrow Mur Lura

DISKORS MILL-ONOR EDDIE FENECH ADAMI, PRIM MINISTRU, FL-OKKAŻJONI TA' L-INAWGURAZZJONI TAL-FESTIVAL OF EUROPEAN ISLANDS CULTURES - PJAZZA INDIPENDENZA VICTORIA. IL-ĦAMIS 15 TA' NOVEMBRU 2001

pr1703
Date Icon 15/11/2001

Nixtieq nibda dan id-diskors qasir billi nilqa' fostna il-parteċipanti Maltin u barranin, li matul il-ġranet li ġejjin ser jagħtu forma viżibli lill-kultura ta' pajjiżhom, permezz ta' l-esibizzjonijiet tagħhom.

Hawn min jaħseb li l-kultura hija proprjetà privata tal-ftit, xi ħaġa li tinteressa biss lil xi intelletwali. Fir-realtà, il-kultura hija proċess ħaj u dinamiku li għandu jinteressana lkoll. Il-kultura hija bħal żerriegħa li tinżera' ġo fina mat-twelid, u li tikber magħna hekk kif insibu postna fis-soċjetà. Din il-kultura ġġiegħlna naħsbu mod u mhux ieħor, iġġiegħlna nikkomunikaw mod u mhux ieħor, iġġiegħlna nippreferu ħaġa minn oħra. Il-kultura tagħmilna dak li aħna.

Li l-kultura hija xi ħaġa dinamika huwa rifless ukoll fil-lingwa tagħna. Aħna ngħidu "il-kultura qed tinbidel". Inkunu iżjed preċiżi jekk ngħidu l-kultura qed nibdluha, għax kull wieħed u waħda minna jaffettwa l-kultura ta' pajjiżna. Fi kliem ieħor il-kultura nagħmluha aħna.

Dan jitfa' fuqna r-responsabiltà li nrawmu l-aspetti pożittivi tal-kultura tagħna. Jitfa' fuqna d-dmir li nippreservaw u nsaħħu l-valuri tajbin li għandna bħala Maltin.

Parti minn din ir-responsabiltà taqa' fuq il-Gvern. Mod dirett ta' kif il-Gvern jgħin il-kultura huwa billi jippromwovi l-arti. Grazzi għax-xogħol ta' l-artisti tal-bieraħ, aħna nafu kif kienu jgħixu u jaħsbuha missirijietna.

Grazzi għall-artist tal-lum, il-ġenerazzjonijiet t'għada ser japprezzaw aħjar kif konna ngħixu aħna. Dan il-proċess huwa parti essenzjali mill-iżvilupp kulturali ta' pajjiż. Għalhekk tagħmel sens il-ħidma tagħna sabiex jiżdied l-apprezzament ta' l-arti f'pajjiżna.

Huwa proprju għalhekk li lqajt bi pjaċir l-invit sabiex ninawgura dan il-festival ta' kulturi ta' Gżejjer Ewropej.

F'dan il-festival tal-Kulturi ta' Gżejjer qed jieħdu sehem mhux inqas minn tmien lokalitajiet Għawdxin. Barra minn hekk, il-programm innifsu, organizzat fuq tlett ijiem, huwa mifrux f'numru ta' rħula ta' din il-gżira. Dokument intitolat "Il-Politika Kulturali f'Malta", li l-Ministeru ta' l-Edukazzjoni ippublika f'Awissu li għadda, saħaq fuq il-ħtieġa ta' parteċipazzjoni attiva bejn l-artist u l-poplu. Dan hu propju li ser tagħmel din l-attività.

Dan il-festival jirrifletti wkoll il-politika tagħna li nħeġġu kooperazzjoni kulturali fuq livell internazzjonali b'attenzjoni speċjali fuq stati Ewropej u Mediterranji. F'dinja li kull ma jmur qed issir dejjem iżjed ekonomikament globalizzata, u politikament reġjonalizzata, tikber il-ħtieġa li nifhmu aħjar il-kulturi ta' pajjiżi oħra. Jien nemmen li dan finalment għandu jwassal sabiex napprezzaw aħjar u għalhekk insaħħu l-kultura tagħna.

Il-festival jixhed ukoll il-politika tal-Gvern favur il-promozzjoni ta' Għawdex bħala destinazzjoni b'karattru kulturali distint. Flimkien ma' din id-dimensjoni ekonomika permezz tat-turiżmu, inħoss ukoll li esperjenza unika bħal din, li tlaqqa' flimkien gruppi b'talenti differenti imma b'għan komuni, ser iservi wkoll ta' qawmien tal-valuri kulturali u tradizzjonali tagħna.

Nixtieq nagħlaq dawn il-kelmtejn tiegħi billi nirringrazzja lil kull min ħadem u qed jaħdem sabiex iġib 'l quddiem il-kultura. Naf li f'Għawdex kien hawn ħidma sħiħa li ssarfet f'żieda sostanzjali ta' attivitajiet kulturali u apprezzament aktar wiesgħa tal-kultura Għawdxija. Dan seta' jsir grazzi għal għajnuniet u sussidji li ngħataw lil diversi organizzazzjonijiet u assoċjazzjonijiet ta' karattru kulturali.

Nawgura li dan il-festival ikun suċċess kemm mil-lat ta' parteċipazzjoni popolari, kif ukoll mil-lat ta' tixrid ta' fehma aħjar ta' dak li jagħmilna Maltin u Għawdxin Ewropej u Mediterranji.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

Aktar Stqarrijiet Right arrow